Il-Partit Nazzjonalista qal li qed iniedi l-kampanja elettorali tiegħu fi ġnien fil-Mosta permezz ta’ xandira li t-trażmissjoni tagħha kienet ikkaratterizzata minn problema wara l-oħra tant li d-diskors tal-Kap ma setax jinftiehem kważi kollu u kelliema oħra wkoll kellhom interuzzjonijiet.
Qalu li t-tema tagħhom hi Għalik iżda l-Ewro-Parlamentari Nazzjonalista David Casa, li kien fost l-ewlenin li tkellem mal-ewwel, wera aggressività kbira.
Qal li se juża l-poter li għandu kontra l-Laburisti.
David Casa: “Mela għadkom ma rajtu xejn minni u se nuża s-saħħa kollha tiegħi kontra tagħhom.”
Infexx f’attakki fil-konfront tal-Prim Ministru Robert Abela u eks Mexxejja Laburisti.
David Casa: “Kemm jien kburi li waqaftlu u ma sar xejn.”
Fl-attakki tal-Partit Nazzjonalista kien hemm ukoll Roberta Metsola li tkellmet eżatt qabel Bernard Grech.
Roberta Metsola: “Ma jafx iġib ruħu tajjeb ta’ Prim Ministru.”
Bħal Casa qalet li lilha mhux se jwaqqfuha.
Roberta Metsola: “Dik! Mhux se jwaqqfuni.”
Imbagħad quddiem il-partitarji Nazzjonalisti qam David Agius, li tkellem l-ewwel wieħed u beda mal-ewwel b’diskors partiġġjan fost problemi tekniċi li bdew xħin beda jitkellem hu.
David Agius: “Nazzjonalisti… nerġgħu, nerġgħu Nazzjonalisti. Nazzjonalisti.”
Kandidati Nazzjonalisti oħra bdew jikkummentaw x’qed jiġri fis-suppost ftuħ tal-kampanja elettorali Nazzjonalista.
Louisanne Pulis: “Familja Nazzjonalista, hawnhekk ippakjat, in-naħa l-oħra wkoll.”
Il-Kap Nazzjonalista kellu diskors mimli attakki li segwew dawk tal-jiem ta’ qabel flimkien ma’ Repubblika.
Imbagħad faħħar lil Gonzi.
Bernard Grech: “Il-viżjoni ta’ Lawrence Gonzi.”
Bħal Kap, għamel David Agius.
David Agius: “Gonzi li qiegħed magħna hawn illum.”
Imbagħad messaġġ komuni tal-Partit Nazzjonalista kien dak li l-vot tat-8 ta’ Ġunju se jwassal biex eventwalment Bernard Grech jikseb il-poter u jsir Prim Ministru.
Peter Agius: “Biex nibdew mewġa ta’ bidla fit-8 ta’ Ġunju.”