L-għajnuniet tal-Gvern waqt perjodu ta’ sfidi internazzjonali bil-pandemija u t-tensjonijiet ġeopolitiċi li għandna madwarna kienu kruċjali biex l-intrapriżi Maltin baqgħu għaddejjin b’saħħithom.
Waqt il-Kabinett man-nies, li sar jum qabel il-festa ta’ Jum il-Ħaddiem, iċ-Chairman tal-kumpanija Magro Brothers, li hi bbażata f’Għawdex, sostna dwar l-għajnuniet tal-Gvern.
Għaddejjin minn full capacity, jiġifieri qed nirrifjutaw ix-xogħol u allura qegħdin naħdmu biex nagħmlu investiment ġdid fis-settur u f’Għawdex. Dan kien ta’ ħafna grazzi, din l-isplużjoni ta’ esportazzjoni, kien grazzi għall-għajnuniet li ngħataw fi żmien il-pandemija u għall-istabbiltà fl-enerġija.
John Magro, Chairman Magro Brothers
Brian Tabone, rappreżentant tal-kumpanija stabbilita Baxter, tkellem dwar l-għajnuna kbira li tingħata minn entitajiet bħalma huma l-Malta Enteprise u l-INDIS.
Nibda biex nuri l-apprezzament tiegħi għall-għajnuna li dejjem ingħatat lill-kumpaniji tal-manufattura u minn entitajiet bħall-Malta Enterprise u l-INDIS, id-disponibilità u l-ħeffa tal-għajnuna hi rikonoxxuta kemm lokalment u anke mill-maniġment ta’ kumpaniji internazzjonali li hawn f’Malta.
Brian Tabone, rappreżentant Baxter
Loredana Caruana, maniġer f’kumpanija oħra, ukoll irreferiet għall-għajnuna li tingħata lill-industriji mill-Malta Enterprise.
Issa l-kumpanija għaddejja wkoll minn pjan biex tespandi l-operat tagħha u qed nerġgħu nsibu l-appoġġ tal-Malta Enterprise fis-servizzi u l-inċentivi tagħha.
Loredana Caruana, Business Manager R3VOX
Fost sfidi, li semmiet li jiltaqgħu magħhom bħala kumpanija, Caruana qalet li hemm dak tad-dritt ta’ kont bankarju.
Illi n-negozju jkollu d-dritt tal-kontijiet tal-bank biex ikun jista’ jibda jaħdem mill-ewwel u ma jkollu l-ebda ostaklu.
Loredana Caruana, Business Manager R3VOX
Il-manifest elettorali tal-Partit Laburista ‘Malta Flimkien’, jindika dan id-dritt bħala wegħda elettorali, li trid titwettaq mill-Gvern f’din il-leġiżlatura.
Matul l-istess laqgħa tal-Kabinett fost in-nies, li saret fil-binja tal-Malta Business Registry fiż-Żejtun, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar, fost oħrajn, li dalwaqt se terġa’ tinfetaħ skola tas-snajja’ fi ħdan l-MCAST.
Hawnhekk Dr Abela ħabbar miżuri oħrajn biex titnaqqas il-burokrazija għan-negozji, kemm bis-sejħa fil-ġimgħat li ġejjin għar-Repożitorju Ċentrali tad-Dejta kif ukoll bl-introduzzjoni tal-Credit Review Office.