Statistika tal-Eurostat, l-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, ikkonfermat li fix-xahar t’April, ir-rata tal-inflazzjoni f’pajjiżna reġgħet lura għal taħt il-medja fiż-Żona Ewro.
Hawnhekk ħareġ kif fix-xahar imsemmi, ir-rata ta’ inflazzjoni f’pajjiżna kienet ta’ 2.3%, waqt li r-rata ta’ medja ta’ inflazzjoni fiż-Żona Ewro kienet ta’ 2.4%.
RATA TAL-INFLAZZJONI APRIL 2024
MALTA | 2.3% |
MEDJA ŻONA EWRO | 2.4% |
-0.1% |
Dawn iċ-ċifri tal-Eurostat ikkonfermaw li r-rata tal-inflazzjoni naqset sew għat-tielet xahar konsekuttiv mindu daħlet fis-seħħ l-inizjattiva ‘Stabbiltà’, mill-bidu ta’ Frar li għadda.
L-inizjattiva, li saret wara t-tielet patt soċjali bejn il-Gvern, l-importaturi u l-ħwienet, rat il-prezzijiet ta’ aktar minn 450 prodott tal-ikel essenzjali jorħsu b’mill-inqas ħmistax fil-mija kif se jibqgħu stabbli sa Ottubru li ġej.
Dan hekk kif, f’Jannar li għadda, qabel bdiet l-inizjattiva ‘Stabbiltà’, ir-rata tal-inflazzjoni kienet ta’ 3.7%.
Imbagħad, ir-rata tal-inflazzjoni naqset b’mod sinifikanti, hekk kif fi Frar naqset għal 3%, f’Marzu niżlet għal 2.7%, u issa, fix-xahar li għadda, niżlet għal 2.3%. Tnaqqis ta’ 1.4% f’perjodu ta’ tliet xhur biss.
RATA TAL-INFLAZZJONI F’MALTA
JANNAR 2024 | 3.7% |
FRAR 2024 | 3.0% |
MARZU 2024 | 2.7% |
APRIL 2024 | 2.3% |
Fil-bidu tas-sena, il-Bank Ċentrali ta’ Malta kien bassar li r-rata tal-inflazzjoni se terġa’ tinżel għal-livell taħt it-2% fi żmien sentejn, iżda din il-mira issa tinsab viċin li tintlaħaq ferm qabel u tintlaħaq dalwaqt.
Il-ġimgħa l-oħra, f’kumment lil ONE News, il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali, il-Professur Edward Scicluna, kien saħansitra rrefera dwar il-pożittività tal-miżura ‘Stabbiltà’.
Aħna ngħidu sakemm l-inflazzjoni tiġi ankrata fejn irriduha ta’ 2%, kull ħaġa, li timbotta għal hemmhekk, tagħmel tajjeb.
Il-Professur Edward Scicluna, Gvernatur tal-Bank Ċentrali