Lejlet Jum il-Ħaddiem, Dr Lydia Abela, flimkien mal-amministrazzjoni tal-Partit Laburista u l-kandidati Laburisti għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, iltaqgħu ma’ diversi nies u sidien ta’ negozji fil-Belt Valletta u tkellmu dwar is-sagrifiċċji u l-bżulija tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin tul sena sħiħa.
F’kumment li tat fi Pjazza San Ġorġ, fi sfond tal-armar li qed isir għaċ-ċelebrazzjoni ta’ għada, Dr Abela enfasizzat dwar is-sinifikat ta’ Jum il-Ħaddiem u kif il-Partit Laburista se jkun qed jiċċelebra l-kisbiet tal-ħaddiema Għawdxin u Maltin.
“Għada niltaqgħu hawnhekk fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt Valletta, bħala tim wieħed, Tim Malta, li ksibna ħafna flimkien, iżda mhux se nistrieħu fuq il-kisbiet tagħna. Irridu niksbu ħafna aktar. Hekk jixraqlu pajjiżna. Hekk jixraqlu l-poplu għażiż tagħna. Għalhekk, is-saħħa lill-ħaddiem, is-saħħa lill-Għawdxin u l-Maltin kollha.” – Dr Lydia Abela
Preżenti wkoll kien hemm kunsillieri u kandidati għall-kunsill lokali tal-Belt Valletta.
Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ewwel ta’ Mejju jibdew fit-tlieta u nofs ta’ waranofsinhar bi spettaklu kbir, logħob għat-tfal u festa għall-familja kollha.
Il-qofol tal-mass meeting jintlaħaq b’diskors tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela.