Waqt żjara fil-bini tal-Malta Business Registry fiż-Żejtun, il-Prim Ministru Robert Abela ltaqa’ ma’ diversi entitajiet li joperaw minn din il-binja.
Ir-Reġistru kien strumentali biex jiġu introdotti bidliet leġiżlattivi importanti, li wasslu għal ġurisdizzjoni Maltija aktar robusta fuq livell internazzjonali.
F’din iż-żjara, il-Prim Ministru ddawwar mas-sezzjoni tal-arkivji mill-Kap Eżekuttiv u r-Reġistratur Dr Geraldine Spiteri Lucas, li spjegat li l-ewwel reġistrazzjonijiet imorru lura għas-sittinijiet.
Hawnhekk il-Prim Ministru żar ukoll l-uffiċini ta’ Gaming Malta, fejn, flimkien mal-Kap Eżekuttiv Ivan Filletti, iltaqa’ u tkellem ma’ diversi ħaddiema ġejjin minn kumpaniji differenti fl-oqsma tal-logħob diġitali u l-esports, li qed joperaw minn Basecamp, spazju apposta fi ħdan Gaming Malta.
Fost dawk li jaħdmu f’dan l-ispazju hemm kumpanija Ingliża Draw&Code, li tiffaċilita r-riċerka u l-iżvilupp fit-teknoloġija immersiva. Hawnhekk ukoll hawn opportunitajiet għal studenti Universitarji li jridu jkomplu karriera f’dan is-settur.
Teknoloġiji emerġenti oħrajn kienu diskussi mat-tmexxija ta’ Tech.mt, bil-Kap Eżekuttiv Wayne Grixti jispjega kif qed tassisti numru ta’ kumpaniji lokali biex jespandu ’l bogħod minn xtutna u jippromwovu l-ekosistema teknoloġika ta’ pajjiżna.
Hawnhekk il-Prim Ministru żar ukoll Finance Malta, biċ-Chairman George Vella jitkellem dwar ħidmet l-entità fis-settur tas-servizzi finanzjarji, fejn ġie spjegat li din tiffaċilita l-kollaborazzjoni u t-tkabbir għall-istakeholders fl-industrija permezz t’attivitajiet u inizjattivi varji li lkoll jippromwovu lil Malta bħala hub finanzjarju.
Fl-uffiċini tal-Amministrazzjoni tat-Taxxa u d-Dwana ta’ Malta, il-Kummissarju Joseph Caruana tkellem dwar ir-riforma, li bdiet is-sena l-oħra, fejn dak li kien magħruf bħala l-Uffiċju tal-Kummissarju tat-Taxxi, inbidel fl-Amministrazzjoni tat-Taxxa u d-Dwana ta’ Malta.
Ġie spjegat li r-riforma diġà qed tħalli l-frott tagħha hekk kif din qed tgawdi minn investimenti fit-teknoloġija u żieda f’nies tekniċi, tiġdid u mmodernizzar kontinwu fil-proċessi interni u anke investiment fl-uffiċini u l-binjiet tal-entità.
Dan l-impenn qed iwassal biex ikun aktar faċli għall-individwi u l-kumpaniji biex jagħmlu l-pagamenti tagħhom fil-ħin u għall-amministrazzjoni stess biex tiġbor id-dħul kollu dovut lill-Gvern.
Il-Prim Ministru Robert Abela kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Ekonomija, Silvio Schembri, u mill-Ministru għall-Finanzi, Clyde Caruana.