Fil-Qorti kien ikkonfermat li l-inkjesta b’rabta mal-konċessjoni tal-isptarijiet lill-Vitals ngħalqet nhar l-24 ta’ April li għadda u għaddiet lill-Avukat Ġenerali l-għada fil-25 ta’ April, proprju fil-jum li fih fetħu n-nomini għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tat-8 ta’ Ġunju li ġej.
Dan id-dettall ħareġ mill-Qorti f’kawża fejn l-eks Prim Ministru Joseph Muscat qed jargumenta li, bil-mod kif inħadmet l-inkjesta, inkisru d-drittijiet tiegħu.
Il-kawża qed tinstema’ quddiem l-Imħallef Giovanni Grixti u t-Tlieta filgħodu ttella’ jixhed ir-Reġistratur tal-Qorti. Kien hawn li kkonferma t-tlestija tal-inkjesta u d-dati ta’ meta seħħ dan. Din hi inkjesta li ilha tinħadem erba’ snin u nofs.
It-Tnejn filgħaxija l-Prim Ministru kien mistoqsi dwar din l-inkjesta u, kif għamel tliet xhur ilu, reġa’ sostna li l-ġustizzja u t-timings elettorali ma jmorrux flimkien.
Issa dalgħodu ħarġet il-konferma li l-inkjesta maġisterjali għaddiet lill-Avukat Ġenerali mill-Maġistrat Gabriella Vella proprju fil-ftuħ tan-nomini għall-elezzjonijiet.
Ara wkoll: