Fir-rapport ta’ kull xahar fuq l-andament tal-ekonomija Maltija, il-Bank Ċentrali ta’ Malta nnota tnaqqis fir-rata tal-inflazzjoni fix-xahar ta’ Marzu.
Filwaqt li jirrimarka li ż-żieda fl-indiċi tal-prezzijiet bl-imnut, ir-Retail Price Index, hi fost l-inqas fl-aħħar tliet snin, ir-rapport jenfasizza li dan hu dovut għat-tnaqqis tal-prezzijiet tal-ikel fl-aħħar xhur.
Qabel ma daħlet fis-seħħ l-iskema ‘Stabbiltà’, wara ftehim bejn il-Gvern u l-importaturi u l-ħwienet, il-prezzijiet tal-ikel f’pajjiżna kienu telgħin, bil-kontra ta’ dak li kien qed iseħħ fil-bqija tal-Ewropa.
Fl-aħħar jiem, il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali, il-Professur Edward Scicluna, irrimarka l-ġid li qed twassal għalih id-deċiżjoni tal-Gvern bl-introduzzjoni tal-iskema ‘Stabbiltà’.
Aħna ngħidu sakemm l-inflazzjoni tiġi ankrata fejn irriduha ta’ 2%, kull ħaġa, li timbotta għal hemmhekk, tagħmel tajjeb
Il-Professur Edward Scicluna, Gvernatur tal-Bank Ċentrali
Minkejja dan, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista għadha ssostni li l-iskema ‘Stabbiltà’ hi perikoluża u diversi kelliema tal-Partit Nazzjonalista qalu li, jekk ikunu fil-Gvern, iwaqqfuha minnufih.
Ir-rapport tal-Bank Ċentrali jinnota, iżda, kif anke bil-kejl tal-inflazzjoni tal-Eurostat, il-Harmonised Index of Consumer Prices, li hu influwenzat aktar minn prezzijiet ta’ affarijiet mixtrijin mit-turisti, l-inflazzjoni f’Malta qed tonqos. Dan minkejja li l-prezzijiet tal-industrija turistika huma b’saħħithom, għax it-turiżmu qed jikber b’rata rekord.
L-esperti tal-Bank isostnu li, jekk wieħed jeskludi l-effett tal-prezz tal-enerġija u dak tal-ikel, ir-rata tal-għoli tal-ħajja f’Malta hi ta’ 2.2%, mentri dik taż-Żona Ewro hi ta’ 2.9%.
Sadanittant il-kundizzjonijiet tan-negozji baqgħu stabbli matul Marzu, bit-tkabbir ikun simili għall-medja storika. Kien hemm titjib fis-sentiment ekonomiku, hekk kif imkejjel mill-Kummissjoni Ewropea. L-istess stħarriġ tal-Kummisjoni jindika li l-ħwienet f’pajjiżna mhux jistennew wisq żidiet fil-prezzijiet fix-xhur li ġejjin.
Ir-rapport tal-Bank Ċentrali jinnota kif id-depożiti tal-familji mal-banek komplew jiżdiedu, filwaqt li żdiedu l-ammont ta’ konvenji għal xiri ta’ proprjetà.
Skont ir-rapport, f’Jannar li għadda kien hemm żieda netta ta’ kważi 3,900 impjieg, filwaqt li fi Frar l-Gvern kellu surplus fil-Fond Konsolidat li laħaq kważi €234 miljun.