L-aħwa Fabian u Keith Demicoli din il-ġimgħa se jżuru żewġ familji ta’ nisel Għawdxi, il-familja Friggieri li toqgħod f’Gozo Road, Greystanes u l-familja Tokic f’Kingswood.
Rita u żewġha Mario Friggieri jgħixu f’żona li sa 60 sena ilu kienet art agrikola li s-sidien tagħha kienu Għawdxin li emigraw lejn l-Awstralja ftit wara l-gwerra. Kien għalhekk li meta l-Kunsill taż-żona ġie biex jagħżel l-ismijiet tat-toroq, iddeċieda li waħda mit-toroq ewlenin tissemma għal Għawdex, ‘Gozo road’. Hawnhekk, l-aħwa Demicoli jsegwu lil Rita Friggieri tipprepara l-ftira Għawdxija, riċetta li wirtet mingħand ommha Mary. Tirrakkonta li l-ikel Malti għadu jfakkarha ħafna f’ommha u f’Malta. Tistqarr li permezz tiegħu, jirnexxilha tgħaddi t-tradizzjonijiet Maltin lil uliedha u n-neputijiet li twieldu l-Awstralja iżda żviluppaw rabta speċjali ma’ Malta.
Charmaine Tokic u ommha Theresa Cassar laqgħu lill-aħwa Demicoli fiż-żona ta’ Kingswood, li tinsab fil-periferija ta’ Sydney fl-istat ta’ New South Wales. Charmaine twieldet l-Awstralja u miżżewġa raġel mis-Serbja. Hija u sħabha Ashleigh Dickson u Shannon Said iħabbirku ħafna biex it-tfal u ż-żgħażagħ ta’ nisel Malti fi New South Wales iżommu ħajjin l-identità u l-kultura Maltija. Charmaine u ommha ppreparaw brodu taċ-ċanga, torta tal-irkotta u trifle Malti. Charmaine Tokic tikteb regolarment fir-rivista ‘The Voice of the Maltese’, għandha paġna soċjali ‘The Foodie Mama’ u lil uliedha ta’ tliet snin u sena rispettivament qed tgħallimhom dwar Malta u l-Malti billi fost l-oħrajn turihom produzzjonijiet Maltin bħal ‘Fonzu l-Fenek’.
It-tielet programm ta’ L-AĦWA FL-AWSTRALJA jixxandar l-Erbgħa 1 ta’ Mejju fid-8:40pm fuq ONE