Il-Prinċep Rumen Paul-Philippe ta’ 75 sena, li jgħix f’Pariġi u hemm mandat ta’ arrest Ewropew għalih, inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti t-Tnejn. Jirriżulta li l-Prinċep irid iservi sentenza ta’ aktar minn tliet snin ħabs fuq akkużi ta’ korruzzjoni f’pajjiżu.
Fil-Qorti ngħad kif, fl-2020, il-Prinċep instab ħati li abbuża mis-setgħat tiegħu b’detriment għall-interess pubbliku fi skema ta’ aktar minn €145 miljun.
Għall-Prinċep, li ġie arrestat il-Ħadd filgħaxija wara li ġie f’pajjiżna għal attività tal-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann, qed jidher l-Avukat Jason Azzopardi.
Azzopardi qal li d-dokument tal-mandat ta’ arresta “hu motivat politikament” u ma tax il-kunsens tiegħu biex il-klijent tiegħu jiġi estradit lejn ir-Rumanija.
Minbarra hekk talab għall-ħelsien mill-arrest u qal li, jekk dan jingħata, il-Prinċep kien se jgħix f’residenza fil-Belt Valletta.
Iżda l-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, li semgħet il-każ, ċaħdet it-talba u ordnat li Paul-Philippe jinżamm taħt arrest.