“Il-messaġġ tal-Prim Ministru Robert Abela kien ċar ħafna mal-awtoritajiet u l-investigaturi tagħna.”
Qal dan il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma fis-Settur tal-Kostruzzjoni, Jonathan Attard, f’kollegament telefoniku fi programm radjufoniku fuq l-istazzjon tal-Knisja, b’referenza għall-każ riċenti, fejn tilef ħajtu Albaniż ta’ 51 sena waqt xogħlijiet mingħajr il-permessi neċessarji li kienu qed isiru fuq ġewwa ta’ residenza f’Tas-Sliema.
Hu rrefera għall-kummenti tal-Prim Ministru mal-ġurnalisti eżatt wara l-każ fejn tenna li ħadd m’għandu jevita l-kors tal-ġustizzja minħabba xi teknikalitajiet. Robert Abela wkoll qal li jistenna li l-investigaturi jagħmlu xogħolhom, b’indipendenza u awtonomija, iżda kull min jonqos għandu jinżamm responsabbli.
“Nittama li n-nies, mhux bħala Ministru, bħala ċittadin Malti, nistenna li nara l-ġustizzja ssir u naħseb il-messaġġ tal-Prim Ministru kien ċar ħafna mal-awtoritajiet u l-investigaturi tagħna.”
Il-Ministru Attard, żied jgħid li bħala ċittadin Malti, hu jistenna li jara l-ġustizzja ssir, hekk kif b’differenza ta’ li ġara f’ċirkostanzi oħrajn, mhemmx bżonn l-eżitu tal-inkjesta maġisterjali biex issir ġustizzja, b’referenza għall-każ fatali f’Tas-Sliema.
Attard qal li hu ma jitħadditx dwar inċidenti partikolari jew deċiżjonijiet tal-Qrati, iżda minkejja dan qal li ċerti sentenzi ta’ min jixtarr fuqhom. Hu qal li wieħed irid iħares ukoll lejn l-applikabilità tal-liġijiet.
Il-Ministru nnota kif inċident, li wassal għat-telf ta’ ħajja ta’ ħaddiem ta’ 19-il sena f’Tal-Pietà, wassal għal multa ta’ €25,000 bejn tliet persuni. Qal li l-liġi tagħna, fuq reati ta’ dan it-tip, tipprovdi wkoll għall-possibbiltà ta’ sentenzi ta’ ħabs.
Għalhekk, tenna li, kemm-il darba rridu diskussjoni oġġettiva dwar is-settur, irridu wkoll nirriflettu fuq kif qed tiġi applikata l-liġi f’pajjiż fejn tirrenja s-saltna tad-dritt u kull istituzzjoni għandha terfa’ r-responsabilità.
“Mhux qed nikkummenta fuq il-każ partikolari, però rridu mira oġġettiva ta’ fejn se mmorru. Tar-responsabilità, tat-tibdil fil-kultura, trid tkun across-the-board. Aħna ngħixu f’pajjiż, fejn iva, hawn is-saltna tad-dritt, għandek l-istituzzjonijiet, għandek il-qasam leġiżlattiv, eżekuttiv, il-Qrati tagħna, ejja kulħadd jerfa’ l-parti tiegħu.”