Miġbur fi ħdan is-sbuħija serena ta’ Ġnien is-Serenità f’Santa Luċija, ċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta bl-appoġġ tal-Ambaxxata Ċiniża f’Malta u l-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija, iċċelebra l-Fiera tar-Rebbiegħa u l-Jum Dinji tat-Tai Chi, nhar is-Sibt li għadda.
Waqt id-diskors tiegħu fiċ-ċerimonja tal-ftuħ, Peng Yijun, Viċi Kap tal-Missjoni tal-Ambaxxata Ċiniża f’Malta, qal li t-Tai Chi dejjem kellu sinifikat kbir bħala parti integrali mill-kultura tradizzjonali Ċiniża minħabba li jippromwovi l-armonija, il-bilanċ u t-tolleranza. Matul is-sekli, l-influwenza profonda tat-Tai Chi ispirat lil għadd ta’ nies madwar id-dinja permezz tal-prinċipji filosofiċi u l-forom ta’ prattika uniċi tiegħu.
Frederick Cutajar, Viċi Sindku tal-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija, ta’ merħba lill-pubbliku li nġabar fil-ġnien sabiex jingħaqad fiċ-ċelebrazzjonijiet. Apparti li awgura suċċess lil dan l-avveniment, huwa stqarr li kien ferm kuntent, partikolarment bil-parteċipazzjoni tal- Grupp Folkloristiku Għawdxi Aurora din is-sena, peress li nannuh kien Għawdxi wkoll.
Yuan Yuan, Direttriċi taċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta, kienet kburija li dan l-avveniment annwali ormaj sar imfittex sewwa mill-komunità lokali. Hija qalet li attivitajiet bħal dawn iservu biex jissaħħu l-iskambji kulturali u l-kollaborazzjoni bejn iċ-Ċina u Malta.
Fl-2020, l-arti antika tat-Tai Chi ġiet rikonoxxuta bħala wirt kulturali intanġibbli mill-UNESCO. Bl-oriġini tiegħu li tmur lura għal nofs is-seklu 17, it-Tai Chi huwa magħruf għall-movimenti ġentili tiegħu, għall-fluss sinkronizzat u għal nifs ikkontrollat, li jrawwem kemm bilanċ mentali kif ukoll stat armonjuż tal-moħħ. Filwaqt li jista’ jidher kajman, it-Tai Chi effettivament itejjeb is-saħħa tal-muskoli, il-flessibilità, il-bilanċ, u, sa ċertu punt, il-kapaċità aerobika mingħajr ma jikkawża qtugħ ta’ nifs.
Dawk li attendew kellhom l-opportunità li jaraw rappreżentazzjonijiet mill-Malta Yang Family Tai Chi Association li taw prestazzjoni tat-Tai Chi Forma Essenzjali 22, it-Tai Chi bix-xwabel u l-boxing tat-Tai Chi bl-Istil Chen. Barra minn hekk, id-19-il Tim Mediku Ċiniż taċ-Ċentru Reġjonali tal-Mediterran għall-Mediċina Tradizzjonali Ċiniża wera kif isir it-Tai Chi bl-imriewaħ u wettaq ukoll il-forma simplifikata Tai Chi 24.
Prestazzjonijiet oħra kienu jinkludu daqq bil-Pipa mill-mużiċista Guo Mei, żfin minn Wang Zhilin, kant minn Mikaela Borg, daqq bl-istrument tradizzjonali Ċiniż Hulusi minn Xie Tiantian li bħalissa qed isservi bħala tabib fiċ-Ċentru Edukattiv tal-Mediċina Tradizzjonali Ċiniża Zheng He fl-MCAST, u dimostrazzjoni bil-kostumi eleganti Ċiniżi Hanfu.
Din is-sena rat is-sehem speċjali tal-Grupp Folkloristiku Għawdxi Aurora li ferraħ lill-pubbliku bi żfin u kant tradizzjonali Malti.
Il-familji u t-tfal kellhom ukoll iċ-ċans li jduqu ikel, ħlewwiet u te Ċiniżi, imiddu jdejhom għall-kalligrafija Ċiniża, u jittantaw xortihom biex jirbħu rigali sbieħ billi jwieġbu xi mistoqsijiet dwar iċ-Ċina.