“Hu biss il-Partit Laburista li jista’ jagħti lill-ħaddiema r-rigal li jixraqilhom biex, irrispettivament jekk ikunux impjegati tal-kuntrattur jew impjegati tal-post, ikollhom paga ugwali għal xogħol ugwali. Ejjew naraw li titwettaq din il-bidla fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.”
Dan kien il-messaġġ tal-kandidat Laburista għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew Steve Ellul waqt il-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista.
Hi wkoll waħda mir-riformi li qed tiġi diskussa mal-imsieħba soċjali u stakeholders oħrajn fil-proċess ta’ djalogu soċjali li nieda Ellul stess bit-tema ‘Malta: Aspirazzjoni Li Tgħaqqadna’.
Il-kandidat Laburista saħaq li hu essenzjali li jiġi rrispettat il-prinċipju ta’ ħlas ugwali għal xogħol tal-istess valur. Li jfisser li ħaddiema li qed jagħmlu l-istess tip ta’ ħidma fl-istess post tax-xogħol jitħallsu l-istess.
Steve Ellul jgħid li mhux ġust li ħaddiema li jkunu impjegati direttament f’post ta’ xogħol u ħaddiema tal-kuntrattur jagħmlu l-istess xogħol u jitħallsu differenti. Bil-ħaddiema tal-kuntrattur jispiċċaw jitħallsu ħafna inqas mill-ħaddiema impjegati direttament.
Ellul isostni li ħaddiema, li jagħmlu l-istess xogħol, mhux biss għandhom ikollhom l-istess paga, imma wkoll l-istess kundizzjonijiet bħal leave, sick leave, allowances u rati tal-overtime.
Tenna li, bħala punt ta’ prinċipju, m’għandu jkun hemm ebda diskriminazzjoni bejn il-ħaddiema, sempliċiment għax wieħed inzerta jaħdem ma’ kuntrattur, flok direttament ma’ min iħaddem.
Il-kandidat Laburista jemmen li dan għandu jkun il-każ kemm fis-Settur Pubbliku kif ukoll dak privat.
“Dan għandu jkun il-pass li jmiss biex niggarantixxu ġustizzja mal-ħaddiema kollha u l-familji tagħhom, waqt li nkomplu nippromowvu standards aktar għoljin fid-drittijiet tal-ħaddiema”, temm jgħid Ellul.
Din ir-riforma tingħaqad ma’ emendi legali oħrajn li qed jipproponi Steve Ellul biex aktar persuni b’diżabilità jidħlu fid-dinja tax-xogħol billi jkun assigurat li l-kumpaniji kbar iwettqu l-obbligu tagħhom, minflok iduru mal-liġi bi ħlas ta’ kontribuzzjoni.