Minħabba r-riħ qawwi mbassar għal għada, l-ispettaklu tal-logħob tan-nar skedat fil-Port il-Kbir ġie postpost għal nhar il-Ġimgħa 3 ta’ Mejju mid-9:00 ta’ filgħaxija ’l quddiem.
Dan l-ispettaklu, li se jġib fi tmiemu l-Festival Internazzjonali tan-Nar u jfakkar għoxrin sena mis-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea, jinkludi rappreżentazzjoni piroteknika flimkien ma’ spettaklu kkulurit fl-ajru u wirja mill-isbaħ mit-talent lokali.
Il-Festival Internazzjonali tan-Nar ukoll jinvolvi tħejjijiet kbar fil-Port il-Kbir u dak imħejji ma kienx jippermetti li dan jittella’ għada minħabba raġunijiet ta’ sigurtà.
Il-pubbliku hu mħeġġeġ li jattendi l-Ġimgħa li ġej fejn jista’ jsegwi mingħajr ħlas dan l-ispettaklu mħejji minn inħawi mad-dawra tal-Port il-Kbir, b’mod speċjali n-naħa ta’ Liesse, fil-Belt Valletta.