Tifla ta’ 11-il sena ttieħdet l-isptar wara li ttajret minn karozza fl-Imġarr.
Kelliem tal-Pulizija qal lil ONE News li l-każ seħħ għall-ħabta tas-sebgħa ta’ dalgħodu fi Triq Fisher.
Fuq il-post marru l-Pulizija, li mill-ewwel stħarriġ irriżulta li t-tifla ttajret minn karozza misjuqa minn raġel ta’ 55 sena li jgħix San Pawl il-Baħar.
Tim mediku mill-Isptar Mater Dei ħa t-tifla l-isptar, fejn instab li sofriet ġrieħi serji.
Ix-xufier ittieħed ukoll l-isptar minħabba li qed isofri minn xokk qawwi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.