L-eks Mexxej tal-Partit Laburista, Alfred Sant, iddeskriva l-lista ta’ kandidati għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Laburista bħala waħda eċċellenti.
B’referenza għall-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista li fetħet il-kampanja elettorali, Alfred Sant, qal: “Il-lista ta’ kandidati Laburisti hi eċċellenti.Għandek il-ġodda u dawk b’esperjenza. Hemm iż-żgħażagħ u l-imġarrba. Hemm ir-realiżmu u hemm l-idealiżmu. Hemm il-fiduċja fl-“Ewropa” u hemm ix-xettiċiżmu,”
F’kitba fuq Facebook irrefera għal din it-taħlita bħala waħda tajba ħafna u żied li “l-kandidati kollha huma determinati u jagħrfu l-ħtieġa li waqt li jżommu saqajhom mal-art, ikunu u jibqgħu jiġri x’jiġri, qrib l-aspirazzjonijiet taċ-ċittadini.”
Filwaqt li awguralhom kampanja mill-aqwa u l-akbar suċċess fl-interess tal-Maltin u l-Għawdxin kollha, qal ukoll li din iġġib fix-xejn il-pronostki li ntqalu minn xi għorrief dwar li tal-Labour kienu se jsibu problemi kbar biex ikollhom kandidatura tajba għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. “Ġara bil-maqlub,” kiteb Alfred Sant.