Ħames persuni inkluż tarbija ta’ erba’ xhur sfaw mejta wara li riħ qawwi laqat iċ-ċentru tal-Istati Uniti u kawża t’hekk seħħew serje ta’ trombi.
Apparti li dawn it-trombi ħallew ħerba warajhom, għexieren ta’ eluf ta’ residenti spiċċaw mingħajr dawl u ilma.
Dan it-temp estrem beda nhar il-Ġimgħa u l-istat ta’ Oklahoma ddikjara stat ta’ emerġenza.
Is-Servizz Nazzjonali tat-Temp fl-Istati Uniti qal li minn investigazzjonijiet preliminari kkonfermaw li wħud mit-trombi li seħħew is-Sibt kellhom qawwa ta’ aktar minn 218 kilometru fis-siegħa.
Intqal ukoll li l-maltempati li saru f’Texas raw ukoll 18-il ċentimetru ta’ xita.
Skont id-Dipartiment tas-Saħħa tal-Istat ta’ Oklahoma, madwar mitt persuna weġġgħu b’xi mod.
Il-President Amerikan Joe Biden offra l-appoġġ kollhu lil dan l-istat.