F’attività politika fid-Dar Ċentrali, il-kandidat Nazzjonalista għall-Parlament Ewropew Peter Agius sostna li fit-8 ta’ Ġunju, il-Partit Nazzjonalista jrid jibda mewġa.
“Fit-8 ta’ Ġunju nibdew mewġa, irridu nibdew mewġa, mewġa ta’ bidla.”
Peter Agius qal dan meta kien qed jindirizza attività politika tal-Partit Nazzjonalista, il-Ħadd filgħodu.
Dak li kien il-kelliem ewlieni ta’ Bernard Grech qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet, kompla fl-istess retorika tal-kilba għall-poter ma’ dak li qal fl-aħħar jiem id-Deputat Nazzjonalista Justin Schembri fl-Imsida.
“Pajjiżna fi żmien sentejn se jkollu Gvern Nazzjonalista mill-ġdid.”
Fl-istess attività politika tal-Ħadd, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech, li baqa’ qatt ma sab irkaptu tal-affarijiet f’daru stess u qed jikser il-liġi biex jaħbi t-taħwid finanzjarju ta’ żmienu, kompla fl-attakki tiegħu kontra l-Gvern u kontra dak li jisħqu l-istatistiċi u l-esperti, anke internazzjonali, billi sostna li l-amministrazzjoni Laburista mhu tagħmel l-ebda ġid għall-familji Maltin u Għawdxin.
Bernard Grech qal dan fl-istess ġimgħa li ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, ikkonfermaw li fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena, l-fond konsolidat tal-Gvern irreġistra surplus minkejja l-isfidi internazzjonali bla preċedent ta’ bħalissa, fl-istess waqt li sar magħruf kif is-sena li għaddiet aktar minn 3,500 persuna nqalgħu mill-faqar estrem, grazzi għall-politika Laburista.
Iżda, Grech ma naqasx lanqas li jkompli jipprova jżebblaħ l-inizjattiva ‘Stabbiltà’, li mindu ġiet introdotta mill-bidu ta’ Frar li għadda naqset b’mod sinifikanti l-inflazzjoni.
Fil-fatt, f’Marzu li għadda, ir-rata annwali tal-inflazzjoni kienet inqas minn tnejn fil-mija, skont l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut.
Sadanittant, fid-diskors tiegħu, il-kandidat Nazzjonalista Peter Agius sellem lil Roberta Metsola u lil David Casa, waqt li faħħar il-ħidma tagħhom fil-leġiżlatura li waslet biex tispiċċa, anke jekk kontinwament użaw il-pożizzjoni tagħhom biex jimminaw il-ħidma f’pajjiżna.
Agius kellu dan il-messaġġ għan-Nazzjonalisti quddiemu, b’referenza għall-kampanja tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali.
“Se nkomplu nattakkawhom.”