“Is-Saħħa lill-Maltin.”
Din hija l-frażi li uża biex fetaħ id-diskors tiegħu, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela, fil-ftuħ tal-kampanja elettorali tal-Partit Laburista għall-elezzjonijiet ta’ Ġunju li ġej, li se jġorru l-istess għajta.
F’diskors li mmarka l-ftuħ tal-kampanja, il-Mexxej Laburista nnota l-passat ta’ pajjiżna, li fl-aħħar snin esperjenza progress soċjali, iżda fuq kollox enfasizza fejn jixtieq li jara lil Malta fil-ġejjieni.
F’diskors b’viżjoni, il-Prim Ministru tkellem dwar aktar investiment li jixtieq jara f’setturi bħall-edukazzjoni, is-saħħa, id-drittijiet ċivili, il-ħarsien ambjentali, l-indafa pubblika, iżda wkoll ta’ pajjiż li jkompli jilħaq l-aspirazzjonijiet tan-nies billi joffri karrieri ta’ kwalità.
Dr Abela nnota kif f’din il-leġiżlatura, minkejja l-isfidi internazzjonali, komplew jitjiebu bosta aspetti f’dawn is-setturi, bit-twettiq tal-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’.
Dan il-progress il-Prim Ministru għaqqdu mal-appuntament elettorali tat-tmienja ta’ Ġunju.
“Fit-tmienja ta’ Ġunju aħna lkoll imsejħa biex niddeċiedu jekk irridux li pajjiżna jibqa’ miexi ’l quddiem jew le. Jekk hux se nibdew inreġġgħu l-arloġġ lura jew niksbu aktar. Jiena nixtieq li niksbu aktar, aktar u aktar u se nibqa’ naħdem kuljum b’saħħti u b’ħilti kollha għal dan il-għan.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru semma l-partiġjaniżmu tal-Partit Nazzjonalista, b’mod partikolari fil-fora internazzjonali fejn jaħdem kontra l-interessi ta’ Malta; b’kuntrast ma’ dak li jagħmel il-Partit Laburista barra minn xtutna.
“Aħna ma mmorrux Brussell għall-interessi personali tagħna, aħna ma mmorrux Brussell biex naqblu ma’ dak kollu li jwaddbu quddiemna ħalli nintogħġbu fuq livell personali magħhom. Imma mmorru Brussell biex nimbuttaw l-aġenda Maltija. Għalhekk immur jien fil-Kunsill Ewropew biex ninnegozja dejjem favur pajjiżi, pajjiżi Malta u Għawdex tagħna.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Dr Abela appella għall-appoġġ għall-kandidati kollha tal-Partit Laburista, li rringrazzjahom talli resqu ’l quddiem għax iħobbu lil Malta.
“Nies li ma jġibux l-interess personali tagħhom l-ewwel, aħna qegħdin hawn għal Għawdex, aħna qegħdin hawn għal Malta. Irridu nagħtu s-saħħa liż-żgħażagħ, is-saħħa lill-pensjonanti, is-saħħa lill-istudenti, is-saħħa lill-ħaddiem. U kunu magħna fl-ewwel ta’ Mejju għax dik hija għajta li nibqgħu ngħajtuha dejjem, is-saħħa lill-ħaddiem. Fuq kollox, is-saħħa lilkom, għalhekk is-saħħa lill-Għawdxin, għalhekk is-saħħa lill-Maltin.”
Il-Prim Ministru Robert Abela