Il-Ministru għad-Difiża Franċiż laqa’ lill-kontroparti Ġermaniż f’Pariġi fejn ġie ffirmat ftehim biex iż-żewġ pajjiżi jaħdmu fuq tank tal-gwerra ġdid.
B’hekk il-proġett bl-isem ta’ Main Ground Combat System, daħal fl-ewwel fażi tiegħu u mistenni jara investiment sinifikanti li jlaħħaq il-biljuni ta’ ewro, għalkemm l-ammont speċifiku għadu ma ġiex ippubblikat.
Dan il-proġett se jkun qiegħed jara l-ħolqien tas-suċċessur tat-tankijiet Leopard 2 u Leclerc, li bħalissa qegħdin jintużaw mill-Ġermanja u Franza rispettivament.
Madanakollu, hawn qiegħed ikun enfasizzat li dan il-ftehim mhux se jkun qed jara evoluzzjoni tat-tankijiet preżenti, iżda l-ħolqien ta’ ġenerazzjoni ġdida ta’ apparat militari.
Fil-fatt, qiegħed ikun irrappurtat kif dawn it-tankijiet mistennija li jonkorporaw fi ħdanhom intelliġenza artifiċjali u sistemi awtomatiċi li ma jkollhomx bżonn l-involviment uman biex jitħaddmu.
Il-proġett hu mistenni li jkun konkluż sal-2040.