L-Assoċjazzjoni Bennejja u Kuntratturi se tkun parti mill-Kunsill Konsultattiv dwar il-Bini u l-Kostruzzjoni biex tkun stakeholder ieħor parti mill-bidliet li qed isiru fis-settur tal-kostruzzjoni.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard hekk kif attenda għall-inawgurazzjoni uffiċjali ta’ din l-assoċjazzjoni.
“It-twaqqif tal-Assoċjazzjoni tal-Bennejja u Kuntratturi hija aħbar tajba għas-settur tal-kostruzzjoni għaliex għandna stakeholder ieħor li jista’ jagħti l-kontribut tiegħu fil-proċess riformattiv li huwa neċessarju f’dan is-settur.”
Jonathan Attard – Ministru
It-twaqqif ta’ din l-assoċjazzjoni se ssaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn il-bennejja, il-kuntratturi u l-periti liċenzjati biex ikomplu jgħollu l-istandards fis-settur.
Il-Ministru Attard saħaq dwar l-importanza tal-kollaborazzjoni bejn l-assoċjazzjoni u l-awtoritajiet filwaqt li aċċenna għall-ħtieġa ta’ ristrutturar u li jiżdied l-infurzar. Dan bil-għan li titrawwem kultura ġdida li fiha s-settur jista’ jitħalla jaħdem f’armonija mat-terzi li sa issa għadhom qegħdin jiġu affettwati minn xogħlijiet ta’ kostruzzjoni.
Min-naħa tiegħu l-President tal-assoċjazzjoni Michael Cutajar esprima s-sodisfazzjon kollettiv tal-kumitat għall-aħbar li l-Kumitat tal-Kunsill Konsultattiv dwar il-Bini u l-Kostruzzjoni laqa’ r-rakkomandazzjoni li se toffri l-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni aktar b’saħħitha fir-riformi u t-tibdil li jeħtieġ li jsir fis-settur.
Kburin ukoll li fil-jum tat-tnedija ta’ din l-assoċjazzjoni kellna iktar minn 200 membru ta’ bennejja liċenzjati li ssieħbu f’din l-assoċjazzjoni.
Michael Cutajar – President tal-Assoċjazzjoni
Huwa kompla mal-Ministru Attard rigward il-ħtieġa ta’ ristrutturar u aktar infurzar u saħaq li fejn se jkun hemm bżonn se jittieħdu miżuri drastiċi bħalma huma sospensjonijiet meħtieġa sakemm persuni inkwistjoni jirregolaw rwieħhom biex verament ikunu jistgħu jogħlew l-istandards.
Fl-aħħar taċ-ċerimonja l-membri ġew preżentati ċertifikat ta’ sħubija fl-assoċjazzjoni.