Il-GWU żiedet benefiċċju ieħor għall-membri tagħha bil-għan li jibdew jaħsbu għal meta jirtiraw mix-xogħol. Dan il-benefiċċju se jkun fil-forma ta’ skema volontarja ta’ pensjoni personali li tkun apparti l-pensjoni tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali li tista’ tkun offruta lill-ħaddiema mill-postijiet tax-xogħol organizzati mal-unjin.
“Dan hu mument storiku għall-GWU u għall-ħidma tagħha fis- soċjetà,” qal Josef Bugeja, Segretarju Ġenerali tal-GWU.
Fid-diskors tiegħu, Bugeja fisser it-tnedija ta’ din l-iskema bħala pass sinifikanti fl-impenn kontinwu tal-GWU għall-benesseri tal-membri tagħha u qal li, biha, mhux biss qed jassiguraw il-futur finanzjarju tal-membri, iżda qed jagħtuhom is-setgħa li jgħixu s-snin tal-irtirar tagħhom b’dinjità u serħan il-moħħ.
Bugeja nnota kif, flimkien mal-Bank APS, il-GWU hi l-ewwel unjin li qed tniedi din l-iskema volontarja bħala pjan ta’ tfaddil biex il-membri tagħha jżommu l-kwalità tal-ħajja li tixirqilhom meta jiġi biex jirtiraw.
“Irridu nenfasizzaw li s-soċjetà tagħna qed tinbidel b’ritmu mgħaġġel u l-prijoritajiet qed jinbidlu għall-membri tagħna wkoll. Aħna nemmnu li dawn is-servizzi se jilħqu l-aspirazzjonjiet tal-membri tagħna,” kompla Bugeja.
Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU tenna jgħid li l-unjin tibqa’ tal-fehma li l-Gvern għandu jibqa’ responsabbli mill-pensjoni nazzjonali, iżda temmen ukoll li wasal iż-żmien li l-impjegati jaħsbu biex jissupplimentaw il-pensjoni tagħhom. Irrimarka wkoll li “llum irridu ngħaddu messaġġ lill-membri li mhumiex waħedhom f’dan il-vjaġġ u li l-GWU tinsab hawn biex tappoġġjahom.”
Sadanittant, il-Kap tas-Settur tal-Investiment fi ħdan il-Bank APS, Kenneth Genovese, ta ħarsa lejn x’toffri din l-iskema tal-pensjoni. Fost l-oħrajn spjega kif meta jirreġistraw, il-membri se jirċievu bonus ta’ €150 miżjud mal-pjan tal-pensjoni ġdid tagħhom. Minbarra hekk, il-Personal Pension Plan u l-Occupational Pension Plan għandhom ħlas inizjali orħos li jagħmluha aktar aċċessibbli u affordabbli għall-istess membri. Dan kollu se jkun qed joffri vantaġġ biex il-membri jibdew jippjanaw għall-irtirar tagħhom.
Intqal ukoll li min jissieħeb se jkun eliġibbli għal kreditu ta’ taxxa ta’ 25% mogħti mill-Gvern fuq il-kontribuzzjonijiet fil-fond, sa massimu ta’ €750 fis-sena.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur il-kwartieri tal-GWU, il-Workers’ Memorial Building fi Triq Nofsinhar, il-Belt, jew waħda mill-fergħat tal-Bank APS. Jistgħu wkoll iċemplu fuq 25679000 jew jibagħtu imejl fuq pensions@gwu.org.mt.