Tul l-ewwel medda ta’ mitejn metru tal-moll il-ġdid ta’ Pinto 4 u 5, trakka l-ewwel cruiseliner, b’aktar minn erbat elef passiġġier abbord.
Il-moll jifforma parti minn proġett b’investiment ta’ ħamsa u għoxrin miljun ewro, fejn l-aġenzija Infrastructure Malta qed testendi l-mollijiet ta’ Pinto u tibni mill-ġdid il-moll ta’ Lascaris għal spazju ta’ rmiġġ kontinwu bejn iż-żewġ mollijiet.
Bl-għajnuna ta’ bugħaddasa speċjalizzati fil-kostruzzjoni taħt l-ilma, il-ħaddiema poġġew kolonni u strutturi kbar tal-konkos f’fond ta’ għoxrin metru, biex bnew il-pedamenti għas-sodda tal-moll il-ġdid.
Il-moll ġie estiż bi ħmistax-il metru biex jakkomoda l-irbit ta’ cruiseliners mingħajr l-użu ta’ braken.
Bil-cruiseliner fl-isfond, mumenti qabel ma’ trakka ma’ dan il-moll, il-Kap tat-Taqsima Marittima ta’ Infrastructure Malta, il-Perit Janice Borg, spjegat aktar ix-xogħol li sar fuq dan il-moll.
“Prattikament hawnhekk kien hawn xogħol ta’ kostruzzjoni taħt l-ilma fejn saru xogħlijiet bil-piles, tpoġġew blocks taħt l-ilma u mtlew bil-konkos, u nbena dan id-deck li qegħdin fuqu.”
Ix-xahar li għadda, il-kuntrattur għalaq ix-xogħlijiet fuq in-naħa ta’ barra tal-moll, filwaqt li x-xogħlijiet fuq in-naħa ta’ ġewwa mistennija jitkomplew fiż-żmien li ġej.
Hekk kif jitlesta l-proġett, dan il-moll se jintroduċi spazju ġdid ta’ rmiġġ tant meħtieġ u adegwat f’din il-parti tal-Port il-Kbir.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Valletta Cruiseport, Stephen Xuereb, spjega kif permezz ta’ dan l-investiment, il-mollijiet mibnija mhux biss se jtejbu l-effiċjenza operattiva fil-Port il-Kbir, iżda se jipprovdu faċilitajiet aktar moderni għall-irmiġġ u jagħtu l-infrastruttura meħtieġa biex il-cruiseliners jorbtu mal-moll mingħajr il-ħtieġa ta’ braken.
“Din is-sena, il-Valletta Cruiseport qed tistenna sena oħra rekord, ’il fuq minn disa’ mitt elf passiġġier, allura l-proġett li tlesta dan iż-żmien hu importanti ħafna, għax hu l-bidu tal-istaġun u qed nistennew li ħa jintuża ħafna.”
Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura, Chris Bonett, spjega kif dan il-proġett imur id f’id mal-impenn tal-Gvern li jinvesti fir-riġenerazzjoni ta’ madwar il-Port il-Kbir.
“Jidher li se jkollna sajf b’turiżmu rekord u għalhekk l-infrastruttura tagħna hi lesta biex tilqa’ għad-domanda li se jkollna. Xogħol ta’ kwalità, pajjiż ta’ kwalità, twassalna għal ekonomija ta’ kwalità.”