L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia inawgura wirja tal-arti tat-tfal tal-iskejjel, ‘Caritas Fest’, fil-Parlament, fejn permezz tat-tpinġijiet tagħhom, it-tfal urew kif huma jixtiequ jaraw lil Malta, sabiex Malta tibqa’ awtentika, naturali u sabiħa.
Permezz ta din il wirja it-tfal urew ix-xewqa li pajjiżna jkun nadif u ma jitlifx il-pajsaġġ naturali, il-wirt storiku u d-drawwiet tradizzjonali Maltin.
Fost il-messaġġi li wasslu t-tfal naraw dwar in-numru kbir ta’ vetturi li għandna fit-toroq tagħna, rigward il-konġestjoni tat-traffiku, kif ukoll rigward il-kwantità ta’ bini modern li nbena f’dawn l-aħħar snin li ma jpaxxix l-għajn u ma jmurx mal-karattru tad-djar tradizzjonali li nsibu fil-bliet u rħula Maltin.
It-tfal b’din l-esebizzjoni enfasizzaw li jitħares il-patrimonju u l-wirt storiku ta’ pajjiżna u l-ħtieġa li jsir aktar użu minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, kif ukoll li l-iżvilupp f’pajjiżna għandu jkun wieħed sostenibbli u dan għandu jsir skont il-kriterji mfassla u konformi mal-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli.
L-Ispeaker faħħar lit-tfal tas-sehem tagħhom f’din il-wirja “Caritas Fest” għax għarfu t-tajjeb għal pajjiżhom li tant iħobbu, fejn tenna li din l-esebizzjoni turi kemm huma attivi bid-diversi proposti konkreti mressqa minnhom. Qal li l-awtoritajiet jeħtieġ li jwettquhom biex Malta dejjem tinżamm aktar nadifa u sabiħa, filwaqt li saħaq dwar ix-xewqa li urew it-tfal għas-sliem u l-paċi fostna u fid-dinja.