Qabel kull elezzjoni, il-Partit Nazzjonalista jivvinta ma’ xiex jaqbad biex jipprova jitfa’ f’dubju l-proċess elettorali.
Taħt Simon Busuttil kienu jgħidu li d-dokument tal-vot qed titħassarlu l-linka, u llum bdew ifittxu skuża oħra.
Illum qed jippretendu li persuni li jikkwalifikaw għall-housing soċjali, ma jibdewx il-proċess biex jimxu lejn djarhom.
Qal dan il-Partit Laburista fi stqarrija, li nnota kif dan juri kemm il-Partit Nazzjonalista reġa’ lura għat-tattiċi l-antiki, u huwa tassew partit li ma jinbidilx.
Dan juri li l-istess klikka għadha tmexxi, għax għadhom jintużaw l-istess tattiċi.
Fl-istqarrija, il-Partit Laburista nnota kif huwa minnu li l-Partit Nazzjonalista kien dejjem kontra l-proġett tal-housing soċjali, iżda juri wkoll il-livell ta’ preġudizzju li jbati minnu l-istess partit meta jassumi li min jikkwalifika għall-housing soċjali, ma jista ikun votant tal-Partit Nazzjonalista.
‘Illum ċar li l-Partit Nazzjonalista kien kontra l-proġett tal-housing soċjali għax huwa klassist’, qal il-Partit Laburista, li kompla jinnota kif dan mhuwiex l-uniku proġett ta’ housing soċjali fl-aħħar xhur, hekk kif imwiegħed.