Fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena, il-Gvern irreġistra surplus fil-Fond Konsolidat – b’bilanċ ta’ aktar minn wieħed u erbgħin miljun ewro. Dan joħroġ minn ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO.
Hawnhekk jirriżulta kif, fl-ewwel kwart ta’ din is-sena, kien hemm żieda ta’ kważi mitejn, tlieta u għoxrin miljun ewro fid-dħul rikkurrenti, meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena l-oħra.
Dan hekk kif, bejn Jannar u Marzu li għaddew, kien hemm dħul ta’ aktar minn biljun u sitt mitt miljun ewro u nofs.
L-aktar fatturi, li kkontribwew għal dan id-dħul fil-Fond Konsolidat tal-Gvern fl-ewwel tliet xhur tas-sena, kienu t-Taxxa tad-Dħul, it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud u s-Sigurtà Soċjali.
Dan is-surplus ġie rreġistrat minkejja li n-nefqa rikkurrenti kienet ukoll ogħla minn dik irreġistrata s-sena l-oħra, b’żieda fl-investimenti min-naħa tal-Gvern ta’ kważi sitta u erbgħin miljun ewro għal total ta’ aktar minn biljun u sitt mitt miljun ewro.
L-NSO qal ukoll li, fl-ewwel kwart ta’ din is-sena, kien hemm surplus, waqt li fl-ewwel kwart tas-sena l-oħra kien hemm defiċit. B’dan ifisser li fl-istess perjodu f’sena kien hemm żieda ta’ aktar minn mija sebgħa u sebgħin miljun ewro.
Dan is-surplus irreġistrat mill-Gvern bejn Jannar u Marzu ta’ din is-sena ġie waqt perjodu ta’ sfidi internazzjonali bla preċedent kawża tal-gwerer fl-Ukrajna u l-Lvant Nofsani, li ġabu magħhom inflazzjoni maġġuri.
Il-Gvern, immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela, qed jegħleb dawn l-isfidi permezz ta’ sussidju fil-prezzijiet tal-enerġija u l-fuels. Dan filwaqt li l-Gvern qed inaqqas l-inflazzjoni fil-prezzijiet tal-ikel ukoll, grazzi għall-inizjattiva ‘Stabbiltà’, li ddaħħlet fi Frar li għadda.