Il-linja nazzjonali tal-ajru nediet titjiriet żejda u nollijiet speċjali b’rabta mal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali, li se jsiru s-Sibt 8 ta’ Ġunju.
Dan tħabbar fi stqarrija tal-linja nazzjonali tal-ajru li qalet li l-ivvjaġġar se jkun permess mis-27 ta’ Mejju sal-14 ta’ Ġunju, bl-ewwel data tat-tluq minn Malta tkun l-1 ta’ Ġunju u d-data finali ta’ vvjaġġar lejn pajjiżna tkun it-8 ta’ Ġunju.
Dawn il-biljetti mraħħsin se jkunu għall-bejgħ mit-2 ta’ Mejju sat-8 ta’ Ġunju, b’dawn jistgħu jkunu bbukkjati fuq in-numru 21418118, mit-Tnejn sal-Ħadd bejn it-tmienja ta’ filgħodu u l-erbgħa u nofs ta’ waranofsinhar.
Il-persuni eliġibbli biex jivvotaw skont ir-Reġistri Elettorali ppubblikati, flimkien mad-dipendenti diretti tagħhom, bħal konjuġi jew ulied ta’ taħt it-tmintax-il sena, jistgħu jagħmlu użu mit-tariffa elettorali speċjali ta’ disgħin ewro bir-ritorn, bit-taxxi u ċ-charges inklużi. Intqal kif trabi li ma jkunux għalqu s-sentejn jistgħu jivvjaġġaw bi prezz ta’ disa’ ewro.
KM Malta Airlines sostniet li l-ivvjaġġar se jkun permess fuq titjiriet operati minnha u l-ivvjaġġar kollu jrid isir mill-istess belt. Intqal li ma jistgħux jingħataw flus lura fuq il-biljetti u ma jistax ikun hemm tibdil fid-dati tal-vjaġġi.
Il-linja nazzjonali tal-ajru qalet ukoll li dawk il-votanti eliġbbli li jikkwalifikaw għal dawn in-nollijiet speċjali u li diġà xtraw biljetti oħrajn ma’ KM Malta Airlines għall-ivvjaġġar mis-27 ta’ Mejju sal-14 ta’ Ġunju, jistgħu jitolbu rifużjoni sħiħa tal-biljett imħallas jew jibdlu l-biljetti tagħhom għal dati differenti ta’ vvjaġġar mingħajr ħlas, iżda suġġetti għall-ħlas ta’ kwalunkwe differenza fil-ħlas.