Malta fl-għoxrin sena anniversarju mis-sħubija tagħha fl-Unjoni Ewropea. L-attwalità politika u temi kurrenti. Dan u ħafna aktar, hekk kif illejla jerġa’ jirritorna fuq l-istazzjon ONE, il-programm ‘Dean Jistaqsi’.
Fuq il-panel tad-diskussjoni hemm id-Deputati tal-Partit Laburista Alex Muscat u Naomi Cachia bl-involviment ukoll ta’ numru ta’ kollegamenti virtwali.
Minn diversi temi li ħarġu waqt id-diskussjoni, Dean jistaqsi speċifikament lis-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union, Josef Bugeja dwar il-ħsibijiet tiegħu u tal-ħaddiema, b’rabta mal-iskema ‘Stabbiltà’, li skont il-Partit Nazzjonalista hi perikoluża.
Uffiċjalment l-istatistika qed turi biċ-ċar li l-prezzijiet tal-ikel m’għadhomx telgħin bl-istess rata li kien hemm u kien hemm traħħis, mela allura bilfors li qed tħalli effett fuq il-kwalità tal-ħajja tal-affarijiet.
Josef Bugeja, Segretarju Ġenerali, GWU
Il-ġurnalist u Direttur Maniġerjali tal-MediaToday, Saviour Balzan, tenna li għall-elezzjonijiet ta’ Ġunju li ġej, iż-żewġ partiti politiċi jridu jqisu sew diversi fatturi li qed iħallu mpatt fuq is-soċjetà tagħna.
Naħseb irridu nindirizzaw il-kwistjoni tal-pajjiż fejn hu sejjer. Fis-sens il-pajjiż sejjer tajjeb. Jiena ma nistax ma ngħidx li min jiġi hawnhekk naħseb jistagħġeb bil-mod kif inhi l-kwalità tal-ħajja tagħna, l-għixien, ix-xogħol, eċċetra.
Saviour Balzan, Direttur Maniġerjali MediaToday
Sadanittant iż-żewġ deputati Laburisti għaddew messaġġ ċar li l-Partit Laburista qed juri riċetta tajba li jisma’ u jintegra mal-poplu Malti u Għawdxi, u dik ir-riċetta qed tħalli l-frott.