Fl-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju li ġej, in-nies għandhom għażla li hi importanti favur dawk il-kandidati li jagħżlu lil Malta dejjem, kemm f’pajjiżna kif ukoll fl-istituzzjonijiet Ewropej.
Dan intqal mid-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista, Daniel Micallef, waqt li l-Erbgħa indirizza sessjoni tal-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista bit-tema ‘Insaħħu Malta Tagħna’, fil-preżenza tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela.
“Nagħżel li nivvota, għax fi Brussell irrid Maltin u Għawdxin li jaraw li l-interessi ta’ pajjiżi jkunu salvagwardjati. Nagħżel li nivvota, għax fi Brussell irrid Maltin u Għawdxin li jkunu favur Malta dejjem, mhux jagħmlu ħsara lill-pajjiż mal-ewwel ċans li jkollhom.”
Hawnhekk Micallef semma wkoll kif, aktar kmieni din il-ġimgħa, Roberta Metsola qalet li Lawrence Gonzi hu l-Prim Ministru tagħha.
“Ngħid allaħares kien Prim Ministru tagħna meta ffaċċjajna l-pandemija u meta kien hemm l-invażjoni Russa fl-Ukrajna, għax kieku kilna lil xulxin bil-miżuri ta’ awsterità. Jien għalhekk kuntent ħafna li Robert Abela hu my Prime Minister, our Prime Minister, għax meta sab quddiem wiċċu dawn l-isfidi ma tefax l-isfidi fuq in-nies, fuq il-familji, fuq in-negozji, fuq l-anzjani, fuq iż-żgħażagħ. Imma sostna lill-pajjiż biex kellna, għandna u ħa jibqa’ jkollna waħda mill-aktar ekonomiji b’saħħithom fl-Ewropa.”
Fl-aħħar tad-diskors tiegħu, Micallef għadda dan il-messaġġ:
“U nibqgħu għaddejjin flimkien, kuljum, naħdmu f’kull lokal, kull hamlet, bieb bieb, familja familja, kif għamilna fl-aħħar xhur biex nassiguraw li l-Partit Laburista jġib l-aqwa riżultat possibbli b’riżq Malta, b’riżq Għawdex, b’riżq il-komunitajiet tagħna, b’riżq il-familji, in-negozji, l-anzjani, iż-żgħażagħ u dawk kollha li jagħmlu parti minn dan il-pajjiż li aħna tant inħobbu.”
Matul is-sessjoni tkellmu wkoll il-kandidati Laburisti li ħerġin għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew fit-8 ta’ Ġunju li ġej.
Fost l-oħrajn, huma ttrattaw temi li jirrelataw mal-interess nazzjonali, il-paċi u l-miżuri ta’ fejda fi żminijiet tal-akbar sfidi internazzjonali li ħa l-Gvern, immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela.
Fil-bidu ta’ din is-sessjoni tal-Konferenza Ġenerali tkellmet ukoll il-President tal-Partit Laburista, Ramona Attard.
Hi qalet kif, għall-ewwel darba, il-Konferenza Ġenerali nfetħet qalb in-nies, b’diskors tal-Prim Ministru Robert Abela fil-Pjazza taż-Żejtun u se tagħlaq nhar il-Ħadd li ġej b’diskorsu fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun.
Hawnhekk tfakkar kif nhar l-Ewwel ta’ Mejju, il-festa ta’ Jum il-Ħaddiem, se jiġi ċċelebrat bil-kbir fi Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta.