Messaġġi indiċenti li ntbagħtu lil eks tfajla wasslu għal tfittxija mill-Pulizija fid-dar ta’ Kyrese Lares ta’ 18-il sena, mis-Swieqi. Lares, ta’ nazzjonalità Ingliża,ġie mixli fost l-oħrajn b’fastidju sesswali u li kien ukoll fil-pussess ta’ drogi ta’ kanabbis u ecstasy. Huwa tressaq quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit.
L-akkużi ġejjin minn rapporti li saru mill-eks tfajla tiegħu, li sostniet li rċeviet messaġġi mhux mixtieqa u filmati espliċiti.
Waqt it-tfittxija, il-pulizija sabu ammont ta’ droga u flus kontanti fir-residenza ta’ Lares. Lares ċaħad l-akkużi kontrih bl-avukat tiegħu jitlob għall-ħelsien mill-arrest. Madankollu, il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat, u esprimiet it-tħassib tagħha dwar l-abbuż tad-droga ta’ Lares u r-riskju ta’ aktar offiżi.
Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest, fejn innotat il-problema tad-droga ta’ Lares u n-nuqqas ta’ xhieda mill-allegat vittma.
Il-Qorti ordnat biex jinżamm fil-Young Offenders Unit minħabba l-età tiegħu.