It-tnax-il kunsill lokali li jiffurmaw il-Kunsill Reġjonali tan-Nofsinhar, se jgawdu minn vann elettriku ġdid li nxtara b’fondi tal-LESA biex jintuża għal skopijiet komunitarji.
Waqt il-preżentazzjoni ta’ dan il-vann elettriku, il-President tal-Kunsill Reġjonali tan-Nofsinhar qal li l-vann se jkun għodda oħra meħtieġa fil-ħidma tal-kunsilli, li se jsaħħu s-servizzi tagħhom.
“Dawn it-traġitti bejn kunsill għall-ieħor se jsiru aktar faċli b’dan il-vann u b’hekk inkunu nistgħu nagħtu servizz aħjar lill-kunsilli tagħna li hija min-naħa tagħhom li jirreċiprokaw dan is-servizz lir-residenti tagħhom.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, irrimarkat kif wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-Kunsilli Reġjonali huwa li jsostnu u jassistu lill-Kunsilli Lokali fi ħdanhom fil-ħidma tagħhom.
“Inħeġġeġ lill-Kunsilli Lokali jagħmlu użu tajjeb mill-fondi pprovduti, f’dan il-każ mil-LESA, għaliex iva dan il-Gvern se jkompli jinvesti fil-Kunsilli Lokali, se jkompli jemmen fil-potenzjal tal-Kunsilli Lokali u l-Kunsilli Reġjonali.”
Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, Byron Camilleri qal li fl-aħħar tliet snin, ġew allokati aktar minn tliet miljun ewro mill-aġenzija LESA biex jitwettqu proġetti ta’ fejda fil-komunitajiet Maltin u Għawdxin.
Qal ukoll li dalwaqt se tiġġedded din l-iskema għal tliet snin oħra biex din l-aġenzija tkompli tinvesti f’diversi proġetti li jitressqu mill-kunsilli.
“Kommessi li nibqgħu nagħmlu dawn it-tip ta’ investimenti li nolqtu b’mod dirett lill-komunità.”