L-Istħarriġ tal-Istatistika Ewropea dwar id-Dħul u l-Kundizzjonijiet tal-Għajxien, magħruf bħala EU-SILC, sab li s-sena li għaddiet kien hemm 3,517-il familja f’pajjiżna li nqalgħu mil-lista ta’ ċaħda materjali u soċjali severa meta mqabbel ma’ sena qabel.
Dwar dan ikkummenta wkoll il-Prim Ministru fejn, f’messaġġ fuq il-midja soċjali, tenna li wieħed minn sebgħa f’din is-sitwazzjoni ġew mgħejjuna biex itejbu ħajjithom u issa għandna l-inqas rata storika fil-faqar assolut. Hu tenna li, flimkien, irridu nkomplu l-ġlieda biex niġġieldu l-faqar.
Xi ħadd li jgħix f’dar privata jitqies li hu mċaħħad materjalment u soċjalment jekk ma jkunx jiflaħ iħallas għal mill-inqas ħamsa mit-13-il fattur stabbilit, filwaqt li dawk li ma jkunux jaffordjaw mill-inqas sebgħa mill-istess fatturi jitqiesu li huma mċaħħdin bʼmod sever.
Fl-2023, ir-rata ta’ deprivazzjoni materjali u soċjali kienet ta’ 9.2%, filwaqt li r-rata ta’ deprivazzjoni materjali u soċjali severa kienet ta’ 4.1%, jiġifieri tnaqqis ta’ 0.4% u 0.8% rispettivament meta mqabblin mal-2022.
Sadanittant, waqt li laqa’ dawn ir-riżultati pożittivi bi tnaqqis fil-kategoriji prinċipali, il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal qal, fi stqarrija, li dan it-tnaqqis ġie rreġistrat minkejja li l-NSO aġġusta l-livell tal-popolazzjoni Maltija, b’riżultat taċ-Ċensiment, minn kważi 513,000 għal 532,000.
Ingħad li dan it-tnaqqis fiċ-ċaħda materjali u soċjali kien irreġistrat l-iżjed fost l-anzjani u fost dawk tal-età tax-xogħol.
Fuq in-naħa l-oħra, iċ-ċifri fil-EU-SILC jindikaw li, qabel id-dħul tal-mekkaniżmu addizzjonali kontra l-għoli tal-ħajja, żdied in-numru ta’ familji li ma kinux jaffordjaw jieklu laħam jew ħut kull jumejn jew li jaffordjaw spiża mhux mistennija, b’riżultat tal-inflazzjoni li refgħet rasha internazzjonalment.
Minkejja dan, il-Ministeru ppubblika tabella li tindika kif is-sitwazzjoni s-sena li għaddiet xorta waħda baqgħet ferm aħjar minn dik li kien qed jgħix il-poplu Malti għaxar snin qabel fl-2013 fi tmiem l-aħħar Gvern Nazzjonalista. Dan anke jekk minn dakinhar kien hemm żieda sew fil-popolazzjoni.
Mit-tabella joħroġ li, fost oħrajn, is-sena l-oħra kien hemm kważi 72,000 persuna iżjed li kienu jaffordjaw jieħdu vaganza ta’ ġimgħa u mat-63,000 aktar li kapaċi jsaħħnu djarhom.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, stqarr li hu sodisfatt bil-fatt li ċ-ċaħda materjali u soċjali, inkluż dik severa, reġgħet naqset anke fl-2023 u issa jinsabu fl-anqas livelli. Innota wkoll b’sodisfazzjon it-titjib irreġistrat fost l-anzjani, grazzi għal għexieren ta’ miżuri immirati għalihom.
Minkejja dan, il-Ministru qal li l-fatt li l-inflazzjoni, li feġġet fil-perjodu tal-istħarriġ bħal dik fil-prezzijiet tal-ikel, ħalliet impatt fuq il-familji, l-aktar dawk fil-faxxa t’isfel.
Tenna li, għal din ir-raġuni, minbarra li l-Gvern baqa’ jissussidja l-prezzijiet tal-enerġija, il-qmuħ u ċ-ċereali, lejn l-aħħar tal-2022 beda jitħallas il-benefiċċju ġdid tal-mekkaniżmu addizzjonali, maħsub biex familji u persuni bi dħul baxx jew medju jkunu jistgħu jlaħħqu aħjar mal-effetti tal-inflazzjoni.
Dan il-benefiċċju kompla jissaħħaħ u s-sena l-oħra mas-96,000 familja gawdew minn aktar minn €20 miljun. Minbarra hekk, il-ftehim għall-istabbilità fil-prezzijiet qed jgħin fir-roħs tal-prezzijiet ta’ mijiet ta’ prodotti tal-ikel.