It-tiratur malti tat-Trap Gianluca Chetcuti spiċċa fir-raba’ post fl-aħħar kwalifikazzjoni olimpika li saret f’Doha, l-Qatar. Total ta’ 443 kompetituri minn 83 pajjiż differenti ikkompetew fil-kategoriji Trap u Skeet (Nisa u Irġiel). Dan l-avveniment sabiex offra żewġ postijiet minn kull kategorija.
Minkejja li r-raba’ post ta’ Chetcuti ma fissritx kwalifikazzjoni olimpika, ir-riżultat huwa wieħed mill-aqwa meta kkompeta fl-ogħla livell ta’ sparar internazzjonali.
Fl-ewwel round Chetcuti laqat 22/25 segwieti minn erba’ rounds perfetti għal total ta’ 122/125 plattina
Huwa b’hekk għadda għall-finali fejn laqat 29/35 plattina u spiċċa r-raba’ minn 140 atleta.
Apparti Gianluca Chetcuti ħadu sehem ukoll żewġ tiraturi oħra tat-Trap. James Galea laqat 112/125 filwaqt li Emmanuel Bugeja 111/125.
Id-deheb intrebħet minn Andres Garcia (ESP), il-fidda minn Mauro De Filippis (ITA) u l-bronż minn Oguzhan Tuzun (TUR).
It-tiraturi kienu akkumpanjati mill-Head Coach tat-Trap Antonello Iezzi u Robert Farrugia bħala uffiċjal MSSF.