Id-Deputata Nazzjonalista Julia Zahra qalet li taqbel ma’ Lino Briguglio u saħansitra apprezzat meta qal li l-inizjattiva ‘Stabbiltà’ hi perikoluża ħafna. Hi qalet dan proprju l-għada li Briguglio kien mistieden mill-Partit Nazzjonalista biex jitkellem fil-Kunsill Ġenerali tiegħu.
Briguglio qal hekk.
“Din hija miżura perikoluża ħafna.”
Lino Briguglio – Ekonomista
It-Tnejn ONE News mar quddiem il-Parlament, fejn hemmhekk staqsa lid-Deputata Nazzjonalista proprju dwar dak li qal Briguglio.
Għall-ewwel, Zahra dehret bejn ħaltejn kif se twieġeb għall-mistoqsija li saritilha, tant li saħansitra qalet li l-Grupp Parlamentari Nazzjonalista seta’ jiddiskuti dak li qal Briguglio.
Ġurnalist – “Taqbel ma’ Lino Briguglio li l-iskema ‘Stabbiltà’ hi perikoluża ħafna? Qalha fil-Kunsill Ġenerali lbieraħ.”
Julie Zahra – “Jiddependi kif taraha hux ‘Stabbiltà’.”
Ġurnalist – “Imma l-iskema tal-Gvern hu qal li hi perikoluża ħafna… inti xi tgħid?”
Julie Zahra – “Jien mhux se nikkummenta fuqha ħalli jekk min-naħa tal-Partit niddiskutu dak li qal il-Professur Briguglio, imbagħad ikolli tweġiba għalikom.”
Madankollu, malli kkonfermat il-preżenza tagħha fil-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista u li ċapċpet għad-diskors ta’ Briguglio, Zahra ammettiet li taqbel miegħu li l-iskema hi waħda perikoluża.
Ġurnalist: “Inti kont il-Kunsill Ġenerali lbieraħ.”
Julie Zahra: “Iva hemm kont.”
Ġurnalist: “U ċapċapt mal-folla meta tkellem il-Professur Briguglio?”
Julie Zahra – “Ovvja tapprezza dak li qal persuna.”
Ġurnalist – “Allura taqbel ma’ dak li qal… inti nassumi smajtu jgħid li l-iskema hi waħda perikoluża.”
Julie Zahra – “Iva naqbel u.”
B’hekk Zahra kompliet mal-Kap Nazzjonalista Bernard Grech hekk kif hu wkoll għamel tiegħu d-diskors ta’ Briguglio proprju fl-istess Kunsill Ġenerali.
“Illum kellna anke l-konferma mill-Professur Briguglio.”
Bernard Grech – Kap tal-PN
Grech, Zahra u l-Partit Nazzjonalista qed jattakkaw qatta’ bla ħabel din l-inizjattiva soċjali mill-Gvern favur il-poplu kollu, minkejja li ċifri uffiċjali mill-NSO u mill-Eurostat jikkonfermaw l-effett pożittiv li ġabet fi Frar u Marzu biex għenet ittaffi ż-żidiet fl-inflazzjoni fuq prodotti essenzjali.
Fil-fatt, il-Eurostat għax-xahar ta’ Marzu nnota kif pajjiżna għandu l-inqas rata ta’ inflazzjoni mill-bidu tal-isfidi internazzjonali bla preċedent.
Dan filwaqt li, meta titqabbel ir-rata ta’ inflazzjoni x-xahar li għadda ma’ Marzu tas-sena l-oħra, din niżlet b’erbgħa punt erbgħa fil-mija.