L-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali tat-8 ta’ Ġunju, huma mill-aktar importanti hekk kif in-nies se jagħżlu lir-rappreżentanti tagħhom kemm b’mod Ewropew u anke b’mod lokali. Dan intqal minn mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela, waqt diskors li għamlet f’Bormla, it-Tlieta filgħodu.
Dr Abela sostniet kif il-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista bdiet minn fost in-nies fiż-Żejtun il-Ħadd li għadda, b’diskors tal-Prim Ministru Robert Abela.
Hawnhekk irreferiet kemm hu kruċjali li ċ-ċittadini jesprimu fehemthom bid-dritt tal-vot fit-8 ta’ Ġunju li ġej.
“Kemm hu importanti li, nhar it-8 ta’ Ġunju, kulħadd isemma’ leħnu, kulħadd juża d-dritt tal-vot tiegħu. Kull elezzjoni nemmen jiena li ssir għandha l-konsegwenzi tagħha u l-elezzjoni tat-8 ta’ Ġunju għandha l-konsegwenzi tagħha – dik li teleġġi l-membri Parlamentari Ewropej u l-kunsillieri fil-lokalitajiet tagħna. Għalhekk l-appell tiegħi li nħeġġu lin-nies joħorġu jivvotaw nhar it-8 ta’ Ġunju.”
Dr Lydia Abela
Qabel dan id-diskors f’Bormla, flimkien mal-kandidati Laburisti għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, Dr Abela daret fuq il-monti tat-Tlieta filgħodu, f’Bormla u l-Birgu, fejn ilkoll tkellmu mal-bejjiegħa u man-nies.
Preżenti wkoll kien hemm il-President tal-Partit Laburista, Ramona Attard, is-Segretarju Organizzattiv, William Lewis, u s-Segretarja tal-Eżekuttiv, Catherine Fenech.
“Dalgħodu nżilna man-nies. Kemm hu sabiħ li tkun viċin in-nies, tisma’ direttament mingħandhom x’inhuma l-isfidi tagħhom. Dik hi l-politika, hux vera li nkunu man-nies biex nisimgħu mingħandhom x’inhuma l-bżonnijiet tagħhom, ħalli mbagħad inkunu nistgħu nagħmlu l-bidliet.”
Dr Lydia Abela
Preżenti wkoll qalb in-nies kien hemm kunsillieri u kandidati għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali mit-Tlett Ibliet tal-Kottonera.
Din iż-żjara qalb in-nies kienet parti mill-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista bit-tema ‘Insaħħu Malta Tagħna’, li se tagħlaq il-Ħadd li ġej fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, b’diskors tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela.
Waqt li nhar l-Erbgħa, l-Ewwel ta’ Mejju, il-Partit Laburista se jiċċelebra Jum il-Ħaddiem permezz ta’ festa kbira fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt Valletta.