Fl-aħħar jiem l-uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta talab lill-Awtorità tax-Xandir biex ma tapplikax id-direttiva fil-konfront tal-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, fil-limitazzjoni tar-rapportaġġ, sakemm jitkellmu mas-servizzi legali tal-Parlament Ewropew. Erħilha li m’għandhom x’jaqsmu xejn is-servizzi legali.
Il-Kandidat Laburista għall-Parlament Ewropew, l-ekonomista Clint Azzopardi Flores kiteb lill-Awtorità tax-Xandir biex jappella li t-talba li għamel l-uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta tkun injorata.
Azzopardi Flores għamel dan ukoll fid-dawl, li hu kien iċċensurat mill-istess Awtorità tax-Xandir meta laqgħet it-talba tas-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Michael Piccinino, fejn kien kiteb li Azzopardi Flores kien qed jieħu vantaġġ fil-kampanja tiegħu meta lanqas biss kien kandidat f’Ġunju tal-2023.
Fl-ittra lill-Awtorità tax-Xandir, Azzopardi Flores qal li jekk l-uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta inkwetat fuq it-tfixkil tal-ħidma tal-Parlament Ewropew u tal-President, u kif se tasal lill-elettorat, hu appella biex Robeta Metsola ma tirrifjutax id-dibattiti li se jkunu organizzati mill-istess Awtorità tax-Xandir fuq l-istazzjon nazzzjonali u tattendi għalihom.
Azzopardi Flores qed jappella lill-President tal-Parlament Ewropew biex tiddibatti u tinforma lill-poplu dwar il-ħidma tagħha, speċjalment fuq l-affarijiet barranin, fuq il-Gwerra fl-Ukrajna, il-finanzjament tal-armi, il-gwerra li nqalgħet f’Gaza, is-silenzju fuq l-Ażerbajġan u r-rebħ ta’ territorju bl-armi u ħafna affarijiet oħrajn.
Azzopardi Flores temm jgħid li m’għandux problema li jpoġġi bilqiegħda u jiddibatti l-istess temi jekk jagħtuh l-opportunità.