Għal sena oħra, il-Malta Enterprise qed ittella’ l-festival għal dawk in-negozji li għadhom ma ffurmawx jew inkella jinsabu fl-istadji tal-bidu tagħhom.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn bosta żgħażagħ Maltin u barranin ikkonkorrew, tħabbar li l-iStartup Festival se jkun qed isir fir-rebbiegħa u dan il-festival se jgħaqqad l-istartups mal-kumpaniji, kemm lokali kif ukoll internazzjonali.
Dan qiegħed isir fl-isfond ta’ diversi skemi li l-Malta Enterprise qed tagħti biex tgħin lil negozji biex jiġu ffurmati u jiffjorixxu kemm f’pajjiżna, kif ukoll lil hinn minnha.
Fost dawn l-għajnuniet hemm l-iskemi Business Start, Startup Finance, u Business Development, li ilkoll joffru għexieren ta’ eluf ta’ ewro f’investiment dirett lil dawn in-negozji.
ONE News tkellem mal-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, Kurt Farrugia fejn qal li l-għan ewlieni hija li titkabbar l-innovazzjoni fil-pajjiż.
Li qed nagħmlu huwa li permezz ta’ startups ninċentivaw kumpaniji li x’aktarx huma iżgħar fis-size tagħhom imma li jattiraw talent lokali bħal inġiniera, xjentisti, nisa fl-istituzzjonijiet akkademiċi tagħna li jridu jidħlu f’suġġetti bħall-inġinerija u suġġetti tax-xjenza, li għandhom idea tagħhom u jridu jagħmluha f’business.
Kurt Farrugia, Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise
Il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri tenna li ż-żgħażagħ f’pajjiżna għandhom jersqu ’l quddiem u joħorġu bl-ideat tagħhom.
Framework ġdid għall-istartups, diversi inizjattivi biex inkunu nistgħu nassistu kumpaniji ġodda li jistabilixxu ruħhom ġewwa pajjiżna. Li l-ekonomija ta’ pajjiżna hija tajba u għandna pajjiż sabiħ kulħadd jafu. Però issa rridu mmorru pass oltre minn hekk. Huwa li nkomplu niddiversifikaw l-ekonomija.
Il-Ministru Silvio Schembri