Għal darba oħra l-Oppożizzjoni kkonfermat kemm hija ffisata fuq politika ta’ awsterità u ta’ qtigħ il-qalb. Dan hekk kif ippruvat tagħti l-impressjoni li s-sena li għaddiet kien hemm żieda fid-dejn u fid-defiċit. Fir-realtà d-defiċit naqas minn 5.5% għal 4.9%, filwaqt li d-dejn nazzjonali naqas minn 51.6% għal 50.4%. It-tnaqqis kien ferm aħjar minn dak li kien previst fid-diskors tal-Budget u li l-Kummisjoni Ewropea kienet approvat.
Iddikjara dan il-Partit Laburista fi stqarrija fejn saħaq kif, illum l-Oppożizzjoni tibqa’ iżolata. L-aġenzija DBRS għadha kemm sostniet li “the debt level, however, still compares favourably with levels in most other EU countries and continues to provide the government with valuable space to support the economy if under stress.” Imbagħad l-aġenzija Fitch din is-sena nnutat li “sizeable energy subsidies, amounting to 1.3% of GDP, pushed up the 2023 fiscal deficit”. L-opinjoni tal-esperti hija li d-dejn huwa fl-livell tajjeb filwaqt li d-defiċit huwa sinjifikanti minħabba s-sostenn qawwi li l-Gvern qed jagħti biex jipproteġi lill-familji u negozji minn xokkijiet fil-prezzijiet.
Bl-istqarrija tiegħu, dak li jaspira li jkun il-Ministru tal-Finanzi kkonferma li fl-Oppożizzjoni Nazzjonalista ma nbidel xejn, tenna l-PL. Tibqa’ tagħmel l-istess bħal meta kellha l-poter u tgħabbi n-nies fil-piżijiet filwaqt li l-qagħda fiskali tal-pajjiż titfaha l-baħar, bħal meta d-dejn nazzjoni kien jiżboq is-70% tal-ġid nazzjonali u tefgħet pajjiż fi proċedura ta’ defiċit eċċessiv.
Il-poplu għandu opportunità juri li għadu kontra l-politika tal-awsterità mħaddna mill-Partit Nazzjonalista, li ma nbidlitx.