Mad-dawra tal-qasam tad-djar ta’ Santa Luċija ġie inawgurat proġett ta’ riġenerazzjoni, li ssarraf f’żona għall-komunità fejn il-familji jistgħu jqattgħu ħin ta’ kwalità flimkien.
Dan il-proġett inkluda żieda fl-aċċessibilità permezz ta’ rampi, tħawwil ta’ siġar ġodda u sistema ta’ pannelli solari, li se jkunu qed jiġġeneraw l-elettriku għall-istess żona.
F’konferenza tal-aħbarijiet f’Santa Luċija, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, Roderick Galdes, qal li, f’sena, infetħu tliet proġetti ta’ riġenerazzjoni għall-komunità f’żoni ta’ housing soċjali għal aktar minn erba’ mija u erbgħin resident.
Dawn infetħu fil-Marsa, fil-Mosta u, issa, f’Santa Luċija.
B’kofinanzjament mill-Fond għall-Iżvilupp Reġjonali, intużaw kważi tliet miljun ewro għal dawn it-tliet proġetti, li fissru kwalità ta’ ħajja aħjar għar-residenti li jgħixu f’aktar minn ħamsin blokka ta’ akkomodazzjoni soċjali.
Il-Ministru qal li, f’dawn it-tliet proġetti, il-Gvern kien impenjat li jżewweġ il-valuri tal-kwalità tal-ħajja u s-sostenibbiltà għal mijiet ta’ familji.
“B’dan il-proġett, b’investiment ta’ madwar seba’ mija u ħamsin elf ewro, irnexxielna nolqtu madwar erbgħa u erbgħin familja u mitt resident li jgħixu fiż-żona tal-housing estate ta’ din il-lokalità, li nafu li hi mibnija fuq housing estates, fuq oqsma tad-djar tal-Gvern, djar li kienu nbnew u nxtraw mingħand ir-resident mingħand il-Gvern stess, u allura kien jeħtieġ li wara snin twal li kien hemm bżonn proġetti bħal dawn, illum qed naraw dawn il-proġetti.”
Roderick Galdes – Ministru