Waqt diskussjoni f’business breakfast, li fakkar l-20 sena mindu pajjiżna ssieħeb membru sħiħ fl-Unjoni Ewropea u l-futur b’rabta ma’ dan, erba’ kelliema, li ġejjin minn diversi oqsma fis-soċjetà tagħna, għaddew il-ħsibijiet f’panel man-nies.
L-eks Kummissarju Ewropew Karmenu Vella spjega li fl-Unjoni Ewropea, l-aktar ħaġa li tgħodd hi kemm il-pajjiż jaħdem u mhux kemm inti kbir jew żgħir.
“Li taħdem jgħodd, bl-ideat li ħiereġ inti jgħodd, mhux minn fejn ġej jew kemm inti kbir jew kemm inti żgħir. Jiena ġieli kelli nieħu passi kontra l-akbar pajjiżi li hemm fl-Unjoni Ewropea.”
Fost oħrajn iċ-Chairman Eżekuttiv tan-National Skills Council, Jeffrey Pullicino Orlando, li kien parti mill-panel tad-diskussjoni, tenna li fl-Unjoni Ewropea għandu jkun hemm armonija u mhux bħalma jagħmlu ċerti Membri Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista, minflok ifittxu l-għaqda, jipprovaw ikissru l-ħolma Ewropea li rnexxiet.
“Jiena ma nistax nifhem kif MEP partikolari Malti, David Casa, jinstiga lill-partit li jagħmel parti minnu fuq livell Ewropew, il-Partit Popolari, jiddibatti r-rule of law f’pajjiżna ftit xhur ilu meta David Casa u kulħadd jaf il-passi ta’ ġgant li mexa bihom ’il quddiem pajjiżna f’dawn l-aħħar xhur, f’dawn l-aħħar snin.”
Sadanittant il-Professur Marie Briguglio aċċennat kif il-pakketti finanzjari li akkwista dan il-pajjiż matul l-għoxrin sena li ilu msieħeb fl-Unjoni Ewropea, partikolarment l-aħħar pakkett finanzjarju ta’ tnejn punt tliet biljun ewro, intefqu fi proġetti bżonnjużi għal pajjiżna.
“Min hu tal-età tiegħi jew anke ftit iżgħar jiftakar il-possibilità li tmur tgħum u l-bajja kollha drenaġġ u issa din saret xi ħaġa tant eċċezzjoni li meta tiġri tkun fuq l-aħbarijiet. Moniteraġġ ma kienx jeżisti, jiġifieri l-flus li daħlu mhux talli ntefqu u daru bis-saħħa tal-flus stess, talli ntefqu fuq investimenti u istituzzjonijiet li vera kellna bżonnhom.”
Il-Professur Mark Harwood ukoll għadda l-opinjonijiet tiegħu dwar il-vantaġġi u l-iżvantaġġi dwar is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Fost oħrajn semma kif, bis-saħħa tal-Unjoni Ewropea, kull pajjiż membru għandu jkollu strateġija nazzjonali ċara ta’ xi jrid.
“Għal stakeholders, għal investiment, għal barranin li forsi jiġu Malta biex jistudjaw jew jaħdmu, li tkun taf li dan il-pajjiż għandu strateġiji f’ħafna u ħafna oqsma u tkun ċar li erba’ snin, ħames snin, dawn huma l-prijoritajiet tal-pajjiż, dak tgħin lill-pajjiż biex tkun aktar organizzat u biex ikun hemm aktar idea ċara ta’ fejn sejjer il-pajjiż u jien nemmen li dan kien benefiċċju kbir tas-sħubija.”