Malta kienet fost il-144 pajjiż li, tul l-aħħar ġimgħa, ipparteċipaw fl-Assemblea Ġenerali tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Rinnovabbli, li tlaqqgħet f’Abu Dhabi.
Waqt din l-14-il sessjoni, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Miriam Dalli, għaddiet messaġġ b’saħħtu favur l-użu tal-enerġija rinnovabbli u l-importanza li din it-tranżizzjoni tadotta politika b’saħħitha favur il-ħiliet u t-taħriġ tal-ħaddiema.
Tul din l-assemblea ħadu sehem aktar minn 1,300 parteċipant minn madwar id-dinja.
Il-Ministru Dalli tkellmet dwar l-importanza li pajjiżi b’realtajiet differenti jaqsmu l-aħjar prattiċi biex b’hekk jinstabu soluzzjonijiet innovattivi.
“Qegħdin naħdmu fil-qrib ukoll mal-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Rinnovabbli, għax il-politika li qegħdin immexxu ’l quddiem, li nżidu kemm jista’ jkun l-enerġija rinnovabbli f’pajjiżna, qiegħda tkun ikkunsidrata bħala politika pożittiva ħafna b’mod partikolari għal gżejjer li huma stat u huma żgħar fid-daqs.”
Fl-indirizz tagħha, il-Ministru tenniet li, fl-aħħar snin, Malta adottat inizjattivi sinifikanti biex tkun aktar sostenibbli u spjegat kif il-pajjiż irreġistra tnaqqis sinifikanti tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra fis-settur tal-enerġija bi kważi 60%.
Spjegat li dan is-suċċess kien riżultat tal-bidla li l-pajjiż għamel meta qaleb mill-heavy fuel oil għal sorsi ta’ enerġija aktar nodfa.
Il-Ministru Dalli spjegat ukoll li Malta qed tħares lejn l-investiment fl-enerġija nadifa kemm fuq l-art kif ukoll fuq il-baħar. Hija rrikonoxxiet l-importanza tal-kollaborazzjoni u l-bdil ta’ informazzjoni u kompetenzi f’dawn l-oqsma.
Fil-fatt, Malta ntalbet biex tingħaqad fl-inizjattiva SIDS Lighthouse, biex stati b’ċirkostanzi simili jaqsmu mhux biss l-għarfien, imma jkunu t’appoġġ f’oqsma bħalma huma s-sigurtà tal-enerġija, l-affordabbiltà u jaċċelleraw it-tranżizzjoni lejn l-enerġija rinnovabbli.
“Malta qiegħda tagħmel parti wkoll issa mill-inizjattiva li tissejjaħ ‘Lighthouse Initiative’, li ġġib flimkien dawk il-gżejjer stati żgħar li qegħdin jagħtu impenn b’saħħtu ħafna fejn tidħol l-enerġija rinnovabbli.”
Sadanittant il-Ministru Dalli kkonkludiet l-intervent tagħha billi saħqet li Malta qed tkun proattiva biex tagħti sehemha favur l-azzjoni klimatika hekk kif se tkun qed twaqqaf l-ewwel awtorità fl-Ewropa li se tkun iffokata fuq l-azzjoni dwar il-klima.