Fil-preżenza ta’ diversi atleti bi bżonnijiet speċjali u l-ġenituri tagħhom, ġie ssiġillat ftehim ta’ sitt mitt elf ewro, bejn Special Olympics Malta u SportMalta, għat-tliet snin li ġejjin, li mhux biss se jipprovdi għajnuna finanzjarja, imma se jsaħħaħ il-parteċipazzjoni sportiva tal-atleti tas-Special Olympics, kemm lokalment u anke internazzjonalment.
Il-President ta’ Special Olympics Malta u mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela, tkellmet dwar ir-reżiljenza tal-atleti ta’ Special Olympics Malta, u qalet li dan il-ftehim isaħħaħ l-inklussività fl-isport.
“L-isport huwa sabiħ, l-isport huwa b’saħħtu ħafna, l-isport jibni l-karattru tiegħek, jiddixxiplinak u, meta l-isport tabbinah mal-inklussività, hi xi ħaġa speċjali. Jiena kelli l-opportunità li nitla’ ma’ dawn l-atleti, narahom jipparteċipaw u jagħtu dak kollu li jistgħu biex jagħmlu isem tajjeb lil pajjiżna u, fuq kollox, anke jkomplu jibnu l-karattru tagħhom. Hija xi ħaġa eċċezzjonali.”
Atleta żagħżugħ ta’ Special Olympics Malta, li frott ftehim preċedenti magħġun mad-determinazzjoni li wera, kiseb suċċessi u kien preżenti anki għall-kompetizzjonijiet ta’ Special Olympics f’Berlin, kellu messaġġ imqanqal.
“Qed nuru li aħna kapaċi, dik hi li nixtiequ nuru aħna, li aħna kapaċi nikkompetu. Jiena rajt lil sħabi jikkompetu, kien hemm ħafna emozzjonijiet – ta’ ferħ, anki heartbreak, għax dawn mhux biss logħob, dawn huma affarijiet li nittrenjaw għalihom, nagħmlu ħafna ħin, dieta, gym, prattika, training, hi dedikazzjoni u jfissru ħafna għalina.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta, Mark Cutajar, innota li l-missjonijiet ta’ SportMalta u ta’ Special Olympics Malta, imorru id f’id u, għalhekk, din l-entità qed timpenja ruħha li tipprovdi l-aqwa faċilitajiet sportivi għat-taħriġ speċjalizzat lil dawn l-atleti.
“Il-faċilitajiet li bnejna f’dawn l-aħħar snin qed jintużaw kuljum, mit-Tnejn sal-Ħadd, mill-atleti u kowċis ta’ Special Olympics Malta. Mhux talli hekk, talli anke l-uffiċini ta’ Special Olympics huma faċilitajiet ta’ SportMalta u dan ikompli juri li l-affarijiet ma jsirux f’iżolament u l-proġetti jsiru f’ħolqa waħda ġol-oħra biex b’hekk ikollna s-suċċess.”
Il-Ministru għall-Isport, Clifton Grima, qal li dan il-ftehim qed jagħti l-għodda lill-atleti biex jaħdmu u jiksbu r-riżultati, mhux biss għalihom infushom, imma anke għall-pajjiż.
“Qegħdin naħdmu f’dan il-każ ma’ Special Olympics biex nagħtu pjattaforma li wieħed, permezz tagħha, jista’ jippjana fit-tul, imma nagħtu wkoll aktar opportunitajiet lill-atleti żgħażagħ tagħna li fl-aħħar tal-ġurnata huma ambaxxaturi għal pajjiżna, li jirrappreżentawna fuq livell nazzjonali, imma anke fuq livell internazzjonali.”