Is-Sibt, 27 ta’ April, bejn l-10.00am u s-2.00pm, iċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta bl-appoġġ tal-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija qed jistieden lill-pubbliku biex jingħaqad fiċ-ċelebrazzjoni tal-Fiera tar-Rebbiegħa u l-Jum Dinji tat-Tai Chi fil-Ġnien tas-Serenità, Santa Luċija.
Il-familji u t-tfal huma mistiedna jiskopru aktar dwar il-kultura Ċiniża permezz ta’ għadd ta’ attivitajiet li ser jiġu organizzati, fejn fosthom jistgħu jduqu ikel u te Ċiniż, jiktbu skont is-sengħa antika tal-kalligrafija, jilbsu l-ilbies eleganti tal-Hanfu u jsiru jafu aktar dwar il-mediċina tradizzjonali Ċiniża.
Dawk li jattendu jistgħu jsegwu wkoll wirjiet tal-prattika tat-Tai Chi, żfin bil-kostumi Hanfu, u mużika u kanzunetti Ċiniżi u Maltin li jinkludu d-daqq tal-Pipa mill-mużiċista Ċiniża Mei Guo u ż-żfin tal-Aurora Folk Group minn Għawdex.
Il-viżitaturi se jkollhom iċ-ċans li josservaw mill-qrib il-fanali Ċiniżi kkuluriti miġjuba minn Xi’an li reċentement ġew mogħtija miċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta lill-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija sabiex dawn jiddendlu fl-ambjent sabiħ tal-Ġnien tas-Serenità.
Filwaqt li l-ikel ser ikun provdut fl-10.00am, il-wirjiet ser jibdew fil-11.00am
Id-dħul huwa bla ħlas.