Il-Fondazzjoni LifeCycle Malta għadha kemm ippreżentat donazzjoni ta’ €25,000 lir-Research, Innovation and Developement Thrust, ir-RIDT, tal-Università ta’ Malta b’appoġġ favur ir-riċerka dwar il-mard tal-kliewi.
Is-somma, li nġabret waqt il-maratona organizzata mil-LifeCycle, se ssostni r-riċerka li għaddejja fil-mard poliċestiku tal-kliewi, diżordni ġenetika li tikkawża l-iżvilupp ta’ ċesti li jwasslu għal tkabbir tal-kliewi u jtellfu l-funzjoni tagħhom maż-żmien.
Id-donazzjoni ġiet ippreżentata minn Alan Curry, f’isem l-organizzazzjoni, lir-Rettur tal-Università, il-Professur Alfred J. Vella, fil-preżenza ta’ akkademiċi u riċerkaturi u l-Kap Eżekuttiv tar-RIDT, Wilfred Kenely.
Il-LifeCycle Malta ilha tappoġġja lill-pazjenti tal-kliewi għal aktar minn għoxrin sena, waqt li ilha tappoġġja lir-RIDT finanzjarjament għal dawn l-aħħar għaxar snin, fejn sal-lum ingħataw mitejn elf ewro.