B’investiment ta’ tliet mitt elf ewro, il-Klabb tal-Waterpolo f’Birżebbuġa se jkollu pump room ġdida fejn ikun jista’ jissaħħan l-ilma tal-pixxina ħalli tkun tista’ tintuża fix-xitwa wkoll.
Dan l-investiment se jsir wara li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, ħa ħsieb il-bini mill-ġdid tal-istess pixxina u issa nħass il-bżonn li l-investiment jitkompla f’fażi oħra biex, b’teknoloġija moderna, jissaħħan l-ilma tal-pixxina għax-xhur xitwin.
Dawn id-dettalji ngħataw waqt l-iffirmar tal-ftehim bejn id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Klabb tal-Waterpolo ta’ Birżebbuġa.
Minbarra s-sistema li ssaħħan l-ilma, se tinbena wkoll gverta li tkun tista’ tgħatti l-pixxina kollha ħalli meta ma tkunx qed tintuża, ma tinitilfx is-sħana u tkun aktar effiċjenti.
Il-President tal-Klabb tal-Waterpolo ta’ Birżebbuġa, Jason Bonnici, irringrazzja lill-Gvern tal-għajnuna kollha f’dan il-proġett, li qed jattira aktar tfal.
“It-tfal tagħna matul is-sena jittrenjaw is-sena kollha fl-għawm u hekk nisperaw li jkollna aktar tfal u nkabbru aktar in-nursery tagħna għall-ġid tar-raħal tagħna ta’ Birżebbuġa u għall-irħula li għandna oħrajn, bħal Ħal Għaxaq u l-kumplament.”
Bħalu jaħsibha wieħed mill-kowċis tal-klabb.
“Bdejna l-ispring sessions, kellna xi sebgħin tifel u tifla ġodda u l-iskop tagħna hu li meta tibda x-xitwa, inkomplu hekk.”
It-tfal infushom huma xhieda ta’ kemm investimenti bħal dawn, jagħmlu differenza.
“Għalija li niġi hawn tfisser li nieħdu pjaċir u niltaqgħu flimkien.”
“Meta l-pool tkun aktar sħuna nistgħu nibqgħu niġu.”
“Għalina hawnhekk hu importanti ħafna, għax ikollna ħafna logħob, tournaments u ħruġ.”
Is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi spjega l-investiment b’saħħtu li sar f’dan il-kumpless sportiv, biex issa jista’ joffri l-aqwa ambjent għat-taħriġ ta’ dawn it-tfal.
“Se naraw estensjoni biswit dawn il-faċilitajiet hekk sbieħ u se nkunu qed ninstallaw ukoll pompi biex insaħħnu l-ilma biex b’hekk, it-tfal tagħna jkunu jistgħu jużaw il-pixxina kemm fis-sajf kif ukoll fix-xitwa. Wegħda oħra li se nżommu man-nies ta’ Birżebbuġa.”