Stħarriġ tal-gazzetta The Times kompla juri xejra konsistenti ta’ fiduċja b’saħħitha fil-Partit Laburista u l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Dr Robert Abela.
Fil-fatt, fil-ħarġa tagħha tal-Ħadd, The Sunday Times of Malta ppubblikat stħarriġ tal-opinjoni pubblika u li juri distakk ta’ 10.1% bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista.
Dan ifisser li kieku jkollha ssir elezzjoni għada il-Partit Laburista jikseb rebħa b’distakk ta’ 28,000 vot.
L-istħarriġ tat-Times jinnota wkoll kif madwar 32% tal-elettorat qed juri li ma jridx jivvota.
Intant fuq bażi reġjonali, l-istħarriġ tal-opinjoni pubblika juri kif il-Partit Laburista jibqa’ l-aktar partit popolari fi kważi r-reġjuni kollha f’Malta u Għawdex u fi kważi f’kull faxxa tal-età.
Fil-fatt filwaqt li l-Partit Nazzjonalista għandu vantaġġ żgħir fir-reġjun tat-Tramuntana, il-Partit Laburista jibqa’ l-aktar Partit popolari mal-elettorat fil-bqija tar-reġjuni.
Intant filwaqt li l-maġġoranza ta’ dawk ta’ bejn il-55 u l-64 sena jagħżlu jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista, il-maġġoranza f’kull faxxa tal-età oħra tivvota lill-Partit Laburista.
L-istħarriġ tat-Times jagħmel ukoll distinzjoni fil-fiduċja tal-elettorat bejn elezzjoni tal-Parlament Ewropew u Elezzjoni Ġenerali. Dan hekk kif filwaqt li d-distakk fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew huwa ta’ ftit aktar minn 10% jew tmienja u għoxrin elf vot, f’każ ta’ Elezzjoni Ġenerali, dan jonqos għal ftit aktar minn 7% jew tnejn u għoxrin elf vot.