“L-għażla tat-8 ta’ Ġunju, hija relevanti għall-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.”
Qal dan il-Prim Ministru Robert Abela, quddiem folla numeruża, fil-Pjazza taż-Żejtun, waqt il-ftuħ tal-Konferenza Ġenerali Annwali tal-Partit Laburista, bit-tema ‘Insaħħu Malta Tagħna’.
Il-Prim Ministru, żied jgħid kif id-deċiżjoni li se tittieħed nhar it-8 ta’ Ġunju, hija deċiżjoni dwar il-futur ta’ pajjiżna, u l-komunitajiet li ngħixu fihom.
“It-tmienja ta’ Ġunju, huwa jum ta’ deċiżjonijiet mill-aktar relevanti. Se nagħżlu dakinhar xi rridu mill-komunitajiet tagħna, f’kull waħda mil-lokalitajiet tagħna. Lil min iridu jmexxihom ukoll. Hija għażla ċara ta’ min aħna jridu li jmexxi l-lokalitajiet tagħna.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru sostna kif l-ideat tal-Gvern jimxu id f’id max-xewqat tal-poplu, hekk kif l-elf proposta li vvota għalihom il-poplu lura f’Marzu tal-2022, se jsarrfu f’elf kisba.
Dr. Abela, żied jgħid kif dawn il-proposti jridu jingħaqdu mal-ħtiġijiet tal-lokal tagħhom, hekk kif ix-xewqat fuq bażi lokali għandhom jitwasslu aktar malajr.
Kien għalhekk, li l-Prim Ministru ħabbar li fil-jiem li ġejjin, se jiġi mniedi programm t’għajnuna b’saħħtu sabiex jgħin lill-Kunsilli Lokali, li se jingħaqad ma’ firxa wiesgħa ta’ proġetti ta’ kollaborazzjoni u sinerġija bejn il-Gvern Ċentrali u l-Gvern lokali.
“Ninsab f’pożizzjoni li nista’ nħabbar li fil-jiem li ġejjin bħala Gvern, se nkunu qed inniedu programm b’saħħtu ġdid ta’ għajnuna għall-Kunsilli Lokali kollha tagħna. Proġetti, ta’ sinerġija bejn il-Gvern Lokali u l-Gvern Ċentrali, fejn nindividwalizzaw x’inhuma x-xewqat tal-Kunsilli tagħna, u nwettquhom imbagħad.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru tkellem dwar ir-relevanza li jġorr miegħu l-appuntament elettorali tat-8 ta’ Ġunju, fejn irridu nagħżlu dak li rridu għal-lokalitajiet tagħna, u lil min irridu li jmexxihom.
Dr. Abela, żied jgħid kif il-Partit Laburista se jippreżenta tim ta’ esperjenza mżewwaq ukoll b’uċuħ ġodda.
Filwaqt li appella lil kulħadd sabiex f’nhar l-ewwel ta’ Mejju, jingħaqad fil-Belt Valletta mal-Partit Laburista, il-Prim Ministru, qal kif is-seba’ ġimgħat li ġejjin se jkollhom għan wieħed – li jingħata leħen aktar b’saħħtu lill-poplu u lil min iħobb lil pajjiżna.
“Deħlin għal dawn is-seba’ ġimgħat li ġejjin, b’għan wieħed. Biex nagħtu vuċi dejjem aktar b’saħħitha lil kull wieħed u waħda minnkom, biex dejjem nagħtu vuċi aktar b’saħħitha lil kull min iħobb lil Malta u Għawdex għeżież tagħna.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Huwa temm jgħid kif il-poplu, m’għandu jħalli l-ħadd ireġġa’ l-arloġġ lura.
“Ejja naħdmu ħalli nikkonvinċu aktar, li dak li kiseb dan il-pajjiż, mhu se nħallu lil ħadd li jħassru, mhu se nħallu lil ħadd ireġġa l-arloġġ lura. Anzi, ma’ dak li ksibna, irridu niksbu aktar għax hekk jixraqlu pajjiżna ekonomija aktar b’saħħitha, kisbiet soċjali aktar b’saħħithom, hekk jixraqlu l-poplu għażiż tagħna. Malta l-ewwel u qabel kollox. Għawdex u Malta l-ewwel u qabel kollox. Hekk flimkien, inkomplu nwettqu, hekk flimkien inkomplu nsaħħu Malta Tagħna.”
il-Prim Ministru Robert Abela