F’dibattitu jaħraq fil-programm ‘DEAN JISTAQSI’ mxandar fuq ONE l-Ġimgħa filgħaxija u li ttratta s-suġġett tant kontroversjali f’pajjiżna tal-kaċċa u l-insib.
Id-dibattitu seħħ bejn Lucas Micallef mill-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti, l-FKNK, u Mark Sultana mill-BirdLife.
Min-naħa tal-BirdLife ntqal li t-tajr kollu għandu jinżamm protett fosthom minħabba l-bio-diversità. Mark Sultana qal li l-għan tal-BirdLife mhuwiex li jippersegwitaw lil dawk li għandhom delizzju u jobdu l-liġi. Imma jekk xi ħadd imur lil hinn mil-liġi stipulata, se jkunu hemm biex iwaqfuh.
“Min jikser il-liġi indejquh. Kull min jikser il-liġi ma jixtieqx li jkun hemm lanqas pulizija ovjament. Jiġifieri eħe jista’ jkun li qed indejqu n-nies għaliex sfortunatament hemm sessjoni ta’ kaċċaturi li ma jikkaċjawx għasafar protetti jekk jaraw li jistgħu jinqabdu. Huwa impossibli li aħna noqgħodu neħlu l-ħin f’post. Fuq min noqgħodu għassa ħafna drabi inkunu nafu li hemm is-suspett.”
Fost id-diversi argumenti li saru qamet id-diskussjoni dwar kemm dwar il-kaċċa u anki dwar l-insib, pajjiżna għandu proċeduri quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.
Il-Gvern Malti b’mod konsistenti qed jiddefendi dawn il-każijiet favur derogi miksuba biex il-kaċċaturi u n-nassaba jibqgħu jipprattikaw id-delizzju tagħhom.
Id-diskussjoni ħaditna lura wkoll għall-2015 fejn pajjiżna rajna wkoll referendum imqanqal, fejn dawk li vvutaw iva għall-mistoqsija mpoġġija ta’ – Jekk il-kaċċa fir-rebbiegħa għandhiex tibqa’ ssir, kienu rebħu b’madwar 2,200 vot.
Sadanittant, il-preżentatur Dean Hili qajjem l-argument jekk hijiex komuni li l-għasafar li jikkaċjaw fl-aħħar mil-aħħar jiġux mittiekla. Hawnhekk Lucas Micallef tenna li din hija tradizzjoni li tmur lura tmintax-il elf sena, b’riżorsa naturali. Fil-fatt l-FKNK niedu ktieb ta’ riċetti, proġett li qed jitqajjem mal-Ewropa kollha.
“Għandek element ta’ freerange, element li huwa sosstenibli. Barra minn hekk huwa organiku żgur jiġifieri għandek l-elementi kollha li bħalissa kulħadd qed jitkellem fuqhom. U dan huwa proprju parti miċ-ċelebrazzjoni li aħna nagħmlu li qed niħdu anzi qed nipprattikaw l-eqdem użu ta’ riżorsi naturali li qatt eżista f’wiċċ id-dinja jiġifieri u qed niċċelebraw dak il-mument. Fl-aħħar mill-aħħar il-kaċċa mhuwiex it-teħid. It-teħid huwa l-aħħar azzjoni miċ-ċirku kollu.”