Il-Kanal il-Kbir taċ-Ċina li ġie rikonoxxut bħala Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2014 jirrappreżenta l-akbar kapulavur tal-inġinerija idrawlika fl-istorja tal-umanità, kemm minħabba l-oriġini antika tiegħu, l-iskala vasta li għandu, u kif ukoll għall-iżvilupp kontinwu u għall-adattament għaċ-ċirkostanzi li saru fuqu matul iż-żminijiet. Barra minn hekk, dan il-kanal huwa xempju tanġibbli tal-għerf, id-determinazzjoni u l-kuraġġ tal-bniedem.
B’tul ta’ madwar 1,794 kilometru, il-Kanal il-Kbir jibda mill-belt kapitali ta’ Beijing fit-tramuntana taċ-Ċina u jintemm fil-provinċja ta’ Zhejiang fin-nofsinhar. Matul is-sekli, huwa serva bħala arterja ta’ trasport sinifikanti fiċ-Ċina tal-qedem u kien ukoll ta’ importanza kbira fis-sistema tal-komunikazzjoni interna tal-Imperu. Billi għaqqad għadd ta’ bliet ma’ diversi portijiet differenti, il-kanal ippromwova t-taħlit kulturali, l-iskambju u l-integrazzjoni fost diversi gruppi etniċi, u serva bħala sors primarju għall-inklussività taċ-ċiviltà Ċiniża.
B’kuntrast ma’ siti oħra ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fiċ-Ċina, bħall-Belt Projbita jew il-Ħajt il-Kbir, il-Kanal il-Kbir għadu jiffunzjona kif ġie ppjanat mill-fundaturi tiegħu bosta snin ilu. L-għanijiet numerużi tiegħu jinkludu l-kontroll tal-għargħar, il-provvista tal-ilma u n-navigazzjoni interna. Sadanittant, l-aktar sezzjonijiet attivi tiegħu huma magħrufa li jiffaċilitaw il-movimenti ta’ miljuni ta’ tunnellati ta’ merkanzija kull sena.
Apparti dan kollu, il-Kanal il-Kbir issa qed iservi wkoll bħala ‘wirt kulturali ħaj’ hekk kif permezz tiegħu, it-turisti jistgħu jgawdu kemm is-seħer taċ-Ċina tal-qedem, kif ukoll l-iżvilupp modern li seħħu matulu f’dawn l-aħħar snin.
Il-pubbliku jista’ jsegwi aktar informazzjoni dwar il-meravilji tal-Kanal il-Kbir fuq il-Facebook u l-Youtube taċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta.