Il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali nieda s-servizz bl-isem ta’ AgriKonsulta, bil-għan li jgħin lill-bdiewa Maltin u Għawdxin jagħrfu l-mard tal-pjanti u jkunu jistgħu jieħdu l-azzjoni neċessarja u jixtru l-mediċini apposta.
Id-Direttur għall-Agrikoltura Marco Dimech spjega li l-aċċess għas-sapport u gwida minn esperti hu element kruċjali għal-avvanz f’kull settur, speċjalment dak tal-agrikoltura. Hu tenna li, permezz tas-servizz AgriKonsulta, il-bdiewa se jkollhom aċċess kontinwu għal esperti kwalifikati biex ikunu jistgħu jaċċessaw informazzjoni u pariri fuq il-kultivazzjoni tal-prodotti tagħhom.
“Qed ikollna nies tekniċi b’esperjenza vasta li se jkunu qed jassistu l-bdiewa bażi one-to-one u jkunu assistiti wkoll min-nies tekniċi tagħna li se jkunu qed jgħinuhom ukoll biex ’il quddiem ikunu jistgħu jservu huma ta’ konsulenti għas-settur agrikolu. B’hekk ikollna dak li jgħidulu mentorship għall-agronomy tagħna.”
Il-Ministru responsabbli Anton Refalo saħaq li din l-inizjattiva tal-Gvern se tkompli sservi ta’ spalla għall-bdiewa biex tgħinhom fil-ħidma tagħhom.
“Ir-riżultat tal-AgriFair wera li hemm għatx hemm barra fost il-poplu li jkun jaf aktar dwar is-settur agrikolu. Aħna, bħala Gvern, se nkomplu nimxu spalla ma’ spalla mal-bdiewa u r-raħħala tagħna u llum qegħdin inħabbru miżura oħra importanti fis-sens li qegħdin noffru konsulenza b’xejn lill-bdiewa tagħna.”
Hu temm jgħid kif din l-inizjattiva tifforma parti minn kullana ta’ miżuri oħrajn li qed jimplimentaw f’dan is-settur biex ikompli jogħla l-livell u jattiraw aktar nies lejn dan is-settur, speċjalment żgħażagħ.