Il-Partit Nazzjonalista ddikjara ruħu li hu kontra d-dritt tal-ewtanasja f’pajjiżna. Fuq ix-xandir nazzjonali, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Michael Piccinino ,esprima l-opinjoni tiegħu, iżda anke qal li l-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista hi bħal tiegħu.
Ġurnalist: “Inti personalment kontra l-ewtanasja però?”
Piccinino: “Iva jien personalment, iva kontra l-ewtanasja. Ovvjament irridu … Jien naħseb li hi l-pożizzjoni tal-partit ukoll fil-verità.”
It-tema tal-ewtanasja hi diskussjoni sensittiva.
Il-Partit Laburista jsostni li, filwaqt li jrid ikompli jsaħħaħ l-għoti tal-kura paljattiva, hu konxju mit-tbatija ta’ persuni b’mard terminali. Tbatija li wkoll jgħixuha il-qraba tagħhom.
Hu f’dan il-kuntest li jingħad li għandha ssir diskussjoni nazzjonali matura dwar l-ewtanasja.
Stħarriġ, li sar riċentament mill-kumpanija Esprimi, wera li aktar minn 60% tal-Maltin jaqblu li persuna għandu jkollha d-dritt li ttemm ħajjitha, jekk għaddejja b’marda li mhemmx fejqan għaliha u li minħabba fiha qed tbati b’mod insapportabbli.